Monsinjur li kien imexxi skola primarja tal-Knisja f’Għawdex tressaq il-Qorti akkużat li allegatament sawwat tifel t’għaxar snin.
Monsinjur Karm Gauci, li sa ftit tax-xhur ilu kien il-Kap tal-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex tressaq il-Qorti fil-ħdax t’Ottubru, b’kontravenzjoni.
Il-każ qed jinstema’ wara bibien magħluqa quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News spjegaw kif dan il-każ ġara fid-9 ta’ Mejju li għadda, ftit wara s- 13:00.
Is-sorsi qalulna li kien hemm żewġ subien involuti u wieħed minnhom spiċċa quddiem is-surmast.
Dan it-tifel, li kien għadu kemm għamel operazzjoni f’rasu, allegatament spiċċa miġbud minn xagħru u hemm xhieda li rawh jaqla’ daqqiet bil-pala’ tal-id.
Filfatt ONE News jista’ jiżvela li żewġ persuni minn barra l-iskola, li dakinhar inzertaw kienu l-iskola xehdu wara ‘l bibien magħluqa li raw it-tifel jiġi msawwat mis-saċerdot.
Ix-xhieda ta’ dawn iż-żewġ persuni hija meqjusa bħala waħda b’saħħitha tant li minn tagħrif li kiseb dan l-istazzjon, ddeskrivew xena xokkanti.
Spjegaw kif it-tifel hu u allegatament jaqla’ xi daqqiet, spiċċa jinżel kokka u jitbaxxa.
Min-naħa l-oħra, ONE News jista’ jiżvela li f’dikjarazzjoni li ta l-qassis, li rtira biż-żmien ftit tax-xhur ilu, saħaq li t-tifel kien ħaqqu.
B’rabta ma’ dan il-każ, saret anki inkjesta Maġisterjali li għaliha tqabbad Dr. Jean Paul Grech.
Filwaqt li l-inkjesta eskludiet li l-Monsinjur kkaġuna xi feriti fuq it-tifel, irreferiet bil-qawwa għal eżami mediku li sar fuq it-tifel wara dan il-każ.
It-tabib Michael Refalo, li ONE News huwa infurmat li tqabbad mill-pulizija, ikkonkluda li ma sabx tbenġil.
It-tabib żied jgħid li fuq il-qurriegħa tar-ras tat-tifel baqgħet tidher ferita kkawżata mhux mill-każ iżda minn infezzjoni li rriżultat wara l-operazzjoni li għamel it-tifel, jiem qabel il-każ.
ONE News qed jippubblika ritratti li juru kif kienet ras it-tifel qabel mal-qassis allegatament ġibidlu xagħru.
Esperti legali li ONE News tkellem magħhom sostnew li l-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta jeżonoraw u ma jippuntawx subgħajhom dirett lejn il-qassis.
Madankollu l-istess esperti qalulna li f’każijiet simili tista’ tiġi imposta ordni ta’ protezzjoni.