Il-paniku u t-taħwid li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista qed jiġi rifless fid-deputati tiegħu, anki fost dawk l-aktar leali lejn il-Kap Adrian Delia.
Waqt il-programm Arena fuq dan l-istazzjon, id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ftaħar kemm felaħ li l-Partit Nazzjonalista għandu dokument bi proposti iżda imbagħad lanqas kien jaf x’fih dan l-istess dokument.
Fost tlaqliq, fejn anki wiċċu kixfu li ma jafx x’inhu jgħid, id-deputat Nazzjonalista uża skuża surreali.
Bartolo qal “Pereżempju hawnhekk emmm għandna bil-Malti, hawnhekk qiegħed bl-Ingliż. Pereżempju ehhhh il-ġenerazzjonijiet politiċi ta’ qabilna emmm iħallu industriji sostennibli fost oħrajn. Jiena jiddispjaċini bla nuċċali allura ma tantx qed nara l-punti.” Skomdu għall-aħħar u jħares minn taħt il-għajn lejn Frank Psaila, li wkoll kien fil-programm jirrapreżenta lil Partit Nazzjonalista, Ivan Bartolo qal bil-kontra ta’ dak li qal Psaila dwar is-saltna tad-dritt.
Meta mistoqsi jekk għandux opinjoni hu qal “Le mhux m’għandiex opinjoni, emmmm, naħseb iva li jeżistu u żgur.” “Ok” “ir-rule of law” “Alright”
Il-programm Arena mess ukoll mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni u mingħajr ma qagħad jogħmodha, Ivan Bartolo kompla jsostni dak li qal Adrian Delia biex l-immigranti jiġu f’pajjiżna.
Iż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista maqdru kemm felħu miżuri tal-Gvern li tejbu ħajjet iċ-ċittadin Malti, u saħansitra ntilfu f’dikjarazzjonijiet surreali.
Meta mistoqsi jekk għandux opinjoni differenti minn ta’ Frank Psaila u x’inhi, hu rrisponda “Le le l-istess opinjoni. L-opinjoni li l-ewwelnett m’hu veru xejn illi l-kontijiet raħsu.”
Biex jekk qatt kien hemm dubju dwar kemm il-Partit Nazzjonalista ma nbidilx u baqa’ mgħaddas fin-negattività, id-deputat Nazzjonalista reġa’ ddikjara dak li kien jingħad qabel bl-ippuntar tas-swaba’ u t-tisbit tas-saqajn.
Mistoqsi jekk jemminx il-wegħda tal-PL kinitx Alice in Wonderland jew le. hu rrisponda “Dik sempliċi. Alice in Wonderland.”