Il-Kummissjoni u Paċi fi ħdan il-Knisja f’Malta ressqet il-proposti tagħha lill-Ministeru għall-Finanzi għall-bagit għas-sena d-dieħla.
Proposti li jiffokaw fuq ħames oqsma li jolqtu l-kwalità tal-hajja tac-cittadin, li huma t‑trasport, l‑ambjent, is‑sahha, l‑akkomodazzjoni affordabbli u l‑immigrazzjoni.
Il-kummissjoni saħqet dwar il-bzonn ta’ bidla fil-mod ta’ x’nifhmu u kif inqisu l-progress u appellat ghal bidla fil-mod kif nikkunsmaw u nittrattaw l‑ambjent, il‑mod kif niehdu d‑decizjonijiet ta’ kuljum, u kif ninvestu.
Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar it-trasport, il-Kummissjoni qalet li huma meħtieġa aktar soluzzjonijiet fit-tul minflok dawk temporanji; bħal titjib fl-infrastruttura biex tippermetti li t-trasport pubbliku, il-carpooling, il-mixi u ċ-ċikliżmu verament ikomplu jsiru alternattivi validi għall-vetturi privati.
Dwar l-ambjent qalet li l-Gvern għandu jaħdem għal gżira aktar nadika permezz tal-introduzzjoni ta’ aktar siġar u pjani f’żoni urbani. Dan waqt li jsir ippjanar bil-quddiem għall-użu tal-art b’mod effiċjenti. Il-kummissjoni pproponiet ukoll li jittieħdu azzjonijiet konkreti għall-problema tal-obeżità billi tizdied l-attività fiżika fl-iskejjel. Appellat ukoll għal żieda fir-riżorsi għall-kura tas-saħħa mentali.
Dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, il-kummissjoni qalet li l-Gvern għandu jħares lejn skemi differenti bħal skema ta’ proprjetà bi sħab, ipoteka garantita mill-Gvern u tnaqqis tal-imgħax fuq is-self mit-taxxi. Qalet li qed tistenna l-pubblikazzjoni tal-white paper fuq is-suq tal-kera bit-tama li tinkludi bosta soluzzjonijet.
Il-kummissjoni appellat ukoll biex jitwaqqaf uffiċċju legali li jipprovdi tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi li għandhom persuni minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll li titranġa l-liġi biex tinkludi protezzjoni lill-ħaddiema barranin li jirrapportaw abbuż fuq xogħolhom u ħeġġet għall-programmi ta’ integrazzjoni.
Il-Knisja ħeġġet ukoll lill-Gvern biex jinvesti f’ċentru ta’ akkoljenza li jilqa’ lil dawk li jitolbu l-ażil u r-refuġjati u qalet li għandhom isiru aktar sforzi biex dawn il-persuni jingħaqdu ma’ qrabathom kemm jekk huma refuġjati rikonoxxuti jew benefiċċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.