Għal darb’oħra, fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop ittellgħet wirja bil-fniek u l-għasafar.
Kien hemm mat-18-il razza ta’ fniek, bil-maġġoranza tagħhom għandhom karatteristiċi partikolari.
Il-President tal-Malta Rabbit Club, Mark Pizzuto, tkellem dwar fenek partikolari li nġieb f’pajjiżna mill-Olanda għal din il-wirja:
“Għadu kemm wasal minn barra. Kif qed tarah għandu l-karateristiċi tiegħu tal-widnejn twal u importat mill-Olanda dan il-fenek, huwa fenek għadu żarmuġ għandu bejn 5 u 6 xhur, u naraw kif immur il-quddiem fix-xows issa”.
Bla dubju ta’ xejn, attività bħal din tinżel għasel maċ-ċkejknin, b’mod partikolari sezzjoni ddedikata apposta għat-tfal fejn setgħu jilagħbu mal-fniek u ż-żriemeġ.
Sala oħra fil-kulleġġ ingħatat il-ħajja b’xejn inqas minn 600 għasfur ta’ kull kulur. Fosthom kien hemm speċi ta’ għasafar li għalkemm il-popolazzjoni tagħhom naqset xi ftit, bis-saħħa tad-dilettanti Maltin qed jerġgħu jiżdiedu.