Waqt li kien qiegħed jindirizza seminar li kellu bħala tema “Il-bullying u s-saħħa mentali”, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne esprima t-tħassib tiegħu li l-każi rappurtati ta’ bullying qegħdin dejjem jiżdiedu filwaqt li enfasizza fuq l-ispinta li qed tingħata lill-qasam tas-saħħa mentali li sfortunatament għamel snin twal nieqes mill-prijorità li tixraqlu.
Il-Ministru Fearne rrefera għall-miżuri li ttieħdu mill-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex ikun kontrollat l-bullying fl-iskejjel. Fir-rigward tal-qasam tas-saħħa mentali d-Deputat Prim Ministru qal li dan il-qasam se jkun l-ewwel pilastru ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa filwaqt li l-Istrateġija tas-Saħħa Mentali għas-Snin 2020-2030 se tkun diskussa fil-5 ta’ Diċembru li ġej.
Il-pjanijiet fil-qasam tas-saħħa mentali huma fuq erba’ binarji differenti: il-bini ta’ sptar ġdid akut għas-saħħa mentali; xogħlijiet strutturali kbar fl-Isptar Monte Carmeli; tisħiħ tal-kura mentali fil-komunità u s-servizzi għat-tfal u l-adoloxxenti.
Is-seminar “Il-bullying u s-saħħa mentali” kien organizzat mill-Għaqda Nisa Laburisti.