Ħafna jkunu dawk li jgħidu kif ċertu nies jitħallew jgħidu li jridu, u saħansitra jigdbu fuq Malta. Jinkwetaw bis-serjetà. U jkunu jistennew li xi ħaġa ssir. Dawn speċjalment l-anzjani li jafu żmienijiet oħra. Imma llum iż-żmienijiet inbidlu.
Spiċċa ż-żmien li noħorġu bis-senter għax hemm in-nemus li qed joħroġ u jniggeż u joqros. Nemus jibqa’. Jien ukoll niftakar fi żmienijiet oħra, fejn mal-inqas kelma konna narmaw il-kanuni u nibdew battalja u nintilfu fuqha. Illum dak iż-żmien spiċċa, u mn’Alla. Kien hemm min bata’ wkoll minħabba dik l-attitudni ta’ dak iż-żmien. Kien hemm min mar il-ħabs, jew b’sentenza jew għax għamel żmien arrestat. U huma batew u l-familji tagħhom. Tgħidux lili għax iddifendejt bosta u bosta minnhom, u meta wehħu jew kellhom l-appelli, kulħadd insiehom.
Għaddejna snin inbatu mit-timbru li kienu jieħdu gost iċappsu fuqna u jsemmu. U neħlu aħna lkoll.
Issa għandna mewġa oġra ta’ nemus. Imma xorta nemus jibqa’ u m’hemmx għalfejn noħorġu bis-senter għan-nemus.
Li qed imorru barra minn Malta mhux l-ewwel darba. Imma minkejja kollox il-progress ekonomiku ma waqafx, u n-nies dak li jinteressahom u mhux il-qlajjiet. Eżempju klassiku tal-Egrant. Hawn min għadu jhewden kif waqgħu għaż-żufjett u ħarġu ta’ giddibin, Kollox bil-kalma, għax fl-aħjar żmien irid ikollok il-kalma.
Issa kont qed nisma’ aħbar li grupp ta’ nies iridu riżenja ta’ Chris Cardona, għax ġurnalist Taljan ħareġ bi qlajja, li mdorrijin għalihom hafna. Il-ġurnalisti Taljani jagħmlu proċessi mill-kolonni tagħhom, ħalliha mbagħad li għadd kbir ta’ nies ikunu mhux ħatja ta’ xejn. Imma huma l-aqwa li jfajru.
Tinkwetawx. F’Malta li jdum aktar minn ġurnata huwa r-riħ isfel, u f’pajjiżi oħra ara ma taħsbux li jħabblu sufhom fuq dak li jgħidu fuq Malta, daqs kemm ħabbilna sufna fuq dak li jiġri fl-Italja.