Illejla Simon Busuttil iddeċieda li jagħmel aġġornament fil-parlament biex ikompli jippersisti fil-gideb dwar Egrant. Konxju mill-fatt li dan kien se jerġa’ jwassal biex jikbru l-mistoqsijiet dwar min qed imexxi fil-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kellu jagħmel xi ħaġa.
Ix-xewqa kienet li ma jitħallix jagħmel l-aġġornament għax kliemu jmur kontra dak kollu li qal Delia s-sajf li għadda meta ried jissospendih mill-Partit Nazzjonalista.
Iżda, dan ma kienx possibbli għax il-whip Robert Cutajar qatt ma kien se jgħid lil Simon Busuttil ma jitkellimx biex jibqa’ jiżdied l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista.
Dan wassal biex Adrian Delia għażel li jmur live fuq NET fl-istess ħin li kien se jitkellem Simon Busuttil.
Dan bil-għan li jfakkar li huwa hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u jipprova jitfi xi ftit minn dak li kien se jgħid Simon Busuttil fil-Parlament. Is-soltu l-Partit Nazzjonalista joħroġ sejħa għall-media meta Delia jmur fuq in-NET iżda din id-darba tant kollox sar f’paniku li anqas dan ma sar.