Illum il-Jum Dinjij tas-Saħħa Mentali. Fis-sena ta’ Break The Taboo, nemmen bi sħiħ li dan il-jum għandu tifsira kemxejn iktar sinjifikanti minn qabel.
Meta naraw li 20% tal-ħaddiema jbatu minn xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali, ekwivalenti għal 1 minn kull ħamsa, nemmen li l-pubbliku qed jintebaħ li s-saħħa mentali mhix xi ħaġa li wieħed għandu jinjora.
Veru, hawn iktar għarfien minn qatt qabel, jidher li iktar persuni qed joħorġu jammettu li huma jbatu minn xi tip ta’ kundizzjoni ta’ saħħa mentali. Sew jekk hux ansjetà, sew jekk dipressjoni, sew jekk xi diżordni li taffettwa l-karattru ta’ dak li jkun.
Iżda, ftit jifhmu l-kuraġġ li jkollok bżonn biex tagħmel il-qadi ta’ kuljum meta jkollok xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
Bħala persuna li għaddejt mill-mewġ li jġibu magħhom l-ansjetà u d-dipressjoni, nifhem il-ġlieda ta’ kull jum li jgħaddu minnha dawn il-persuni.
Hawn wisq persuni li jafu x’jiġifieri tkun l-ikbar għadu tiegħek innifsek, li jafu x’jiġifieri li waqt il-ħin tax-xogħol, waqt li qed issuq, waqt li qed issajjar jew tixtri, ikollok battalja interna għaddejja bejn żewġ vuċijiet ġo fik.
Hawn wisq persuni li jafu x’jiġifieri, li malli tiftaħ għajnejk kull filgħodu, trid tqum tiġġieled l-istess vuċijiet li tul il-lejl ta’ qabel żammewk imqajjem.
Veru, bħala persuna li għaddejt minnha, il-fatt li hemm ħafna nies bħali hemm barra, tagħmilli kuraġġ, u tgħinni niftaħ qalbi ma’ diversi persuni għaliex naf li mhux se jiġġudikawni.
Iżda, mill-banda l-oħra, dan l-istess fatt jinkwetani ħafna.
Għalfejn ninsistu li nkunu għedewwa tagħna nfusna? Għalfejn ninsistu li ta’ kuljum ngħarrqu lilna nfusna f’mewġa ta’ ħsibijiet koroh, bħal li kieku bina jew mingħajrna, xorta?
Fil-Jum Dinji dwar is-Saħħa Mentali, l-appell tiegħi huwa sempliċi. Ħobb lilek innifsek. Hija diffiċli ferm, naf, imma jekk sempliċiment tħares fil-mera dalgħodu, u titbissem lil dik il-persuna li tara quddiemek, tagħmillek kuraġġ kbir.
Ieqaf ħalli l-kundizzjoni tiegħek tiddeterminalek ħajtek.
Hija diffiċli, u xi kultant tħossok li ma tiflaħx tiġġieled iktar. Iżda s-sodisfazzjon li tħoss wara li tkun għelibt xi ħaġa bħal din, huwa imprezzabbli.
Ieqaf ħossok inqas minn ħaddieħor sempliċiment għaliex mad-daqq ta xi żveljarin, trid tiftakar tieħu xi mediċina biex tgħinnek tnaqqas il-ħsibijiet koroh.
Dan kollu ma jiddeterminax int min int. Dan huwa sempliċiment vjaġġ.
Fil-Jum Dinji dwar is-Saħħa Mentali, nofrri l-id tal-ħbiberija lil dawk kollha għaddejjin minn xi mewġa bħalissa.
Tħallix din il-mewġa tissottovalutak. Tgħaddi wkoll.