It-Tlieta filgħaxija fil-Parlament l-ex Kap Nazzjonalsta Simon Busuttil baqa’ jippersisti bl-akbar gidba politika fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
B’ton mill-aktar aggressiv u isteriku għall-aħħar, Busuttil qal li jħossu kburi b’dak li għamel.
Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni f’seduta mill-aktar imqanqla fil-Parlament u li fiha tqajmu allegazzjonijiet ta’ Daphne Project.
B’referenza għas-sens ta’ kburija ta’ Busuttil fuq il-gidba ċċertifikata Egrant, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif Simon Busuttil għamel tiegħu d-dokumenti foloz dwar Egrant:
“Wara li jkun ippruvat illi bbażajt il-karriera politika tiegħi fuq dokument falz u fuq gidba f’ġieh kemm hemm. Issa jekk m’aħniex kapaċi u allaħares nagħmel dawn il-kummiedji kull darba li jgħidli korrott u ma nafxiex. Allaħares noqgħod sejjer hekk Sinjura President. Imma ppermettili iva lili, l-marti u l-familja tiegħi ġibuni f’sitwazzjoni li kelli nistenna xhur sħaħ għal ġustizzja. Issa minn fuq illi huwa ppruvat illi kien hemm min iffalsifika l-firem u jien jekk għamilthom tiegħek dawk il-karti għandek ir-responsabilità tiegħek u ma tfarfarha qatt dik ir-responsabilità.”
Hawnhekk Simon Busuttil kompla għaddej bil-gidba minkejja li l-inkjesta indipendenti tal-Maġistrat Aaron Bugeja bi kliem ċar daqs il-kristal qalet mod ieħor.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Busuttil stonat bil-kbir wara li kien hu stess li wera fiduċja fl-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru tenna li huwa lest jippubblika l-inkjesta sħiħa iżda saħaq ukoll li l-konklużjonijiet tal-inkjesta huma ċari u pubbliċi.
Dr. Muscat fakkar ukoll lil Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li deher mifxul b’dak li beda jintqal mid-deputat tiegħu stess, li fuq dawn il-konklużjonijiet ċari huwa talab lil Simon Busuttil jissospendi ruħu mill-partit u neħħiħ minn kelliem għall-governanza t-tajba.
Matul is-seduta Simon Busuttil għamel dikjarazzjoni oħra mill-aktar surreali.
B’reazzjoni fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ma staħax jagħmel dikjarazzjonijiet mill-aktar arroganti.
Saħaq li l-inqas ħaġa li kellu jagħmel Simon Busuttil huwa li jiskuża ruħu.