Għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l- NAO, se jkun rappreżentat fuq il-Bord tal-Awdituri tal-European Stability Mechanism, l-ESM, li ġiet imwaqqfa mill-Istati Membri fiż-żona ewro bħala istituzzjoni finanzjarja internazzjonali biex tgħin lil dawk il-pajjiżi li jużaw din il-munita li jkunu f’diffikultajiet finanzjarji. Ġiet imwaqqfa fis-27 ta’ Settembru 2012 essenzjalment biex tħares u tipprovdi aċċess fil-pront għal programmi ta’ assistenza finanzjarja, b’massimu ta’ self li jitla’ sa €500 biljun, lil dawk l-Istati Membri li jispiċċaw f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.
Bħala rappreżentat tal-NAO fuq dan il-Bord tal-Awdituri, l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, innomina lid-Deputat Awditur Ġenerali, is-Sur Noel Camilleri. Din in-nomina ġiet approvata mill-ESM u konsegwentament waqt is-seduta li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-ESM, fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ottubru 2018 is-Sur Camilleri ġie appuntat formalment f’dan l-inkarigu prestiġjuż. Meta wieħed jikkunsidra l-esperjenza estensiva tiegħu bħala l-Accountant Ġenerali kif ukoll il-ħatra preċedenti tiegħu fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew għall-Investiment ma kienx hemm dubju li huwa għandu l-kredenzjali ġusti biex iwettaq id-doveri ġodda tiegħu fuq dan il-Bord b’suċċess.