Fl-2019, l-Isptar Mater Dei se jkun wieħed mill-ftit sptarijiet fl-Ewropa li se jkollu robots li jgħinu lill-kirurgi waqt l-operazzjonijiet.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed jindirizza laqgħa tal-Kabinett li saret mill-Isptar Mater Dei fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Ministri u Segretarji Parlamentari, u 16-il Direttur u Kap Eżekuttiv ta’ numru ta’ entitajiet fil-qasam tas-saħħa.
Fearne spjega li permezz tal-intelliġenza artifiċjali, dawn ir-robots jagħmlu l-istess xogħol tal-assistenti tal-kirurgi, u jkunu kapaċi jitgħallmu mill-kirurgi stess waqt l-operazzjonijiet.
Dwar metodi ġodda ta’ prevenzjoni, il-Ministru għas-Saħħa qal li se tiddaħħal sistema msejħa Remote Patient Monitoring, li permezz tagħha se jingħata apparat żgħir fid-djar tal-pazjenti biex jekk ikun hemm problema ssir magħrufa qabel ma ssir kundizzjoni.