L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, esperjenzat żieda ta’4% fl-ilmenti li rċeviet fl-ewwel 6 xhur tal-2018. Dan meta mqabbel mal-aħħar sitt xhur tal-2017.
Tul dan il-perjodu, l-Awtorità rċeviet 117-il ilment mingħand abbonati ta’ servizzi tat-telefonija, tal-internet, tat-televiżjoni, u konsumaturi li jużaw is-servizz postali. 95% minn dawn ingħalqu f’inqas minn 20 ġurnata ta’ xogħol. Apparti ilmenti, l-Awtorità rċeviet ukoll 328 talba għall-informazzjoni mingħand il-konsumaturi.
L-aktar ilmenti komuni li rċeviet l-Awtorità kienu dwar il-kwalità tas-servizz. Fl-ewwel 6 xhur tal-2018, l-Awtorità investigat 34 ilment ta’ dan it-tip. Ġeneralment, dawn jiġu kkawżati minn ħsarat fin-netwerk tal-operatur, danni fit-tagħmir tal-klijent, jew danni fil-wajers interni tar-residenza tal-konsumatur.
Numru ta’ fatturi jistgħu jikkawżaw ħsarat li jinkludu kundizzjonijiet tat-temp, danni kkawżati minn terzi persuni jew mill-konsumatur stess. F’dawn it-tip ta’ każijiet, l-Awtorità ssegwi l-azzjonijiet meħuda mill-operatur sabiex tiġi indirizzata l-ħsara flinqas ħin possibbli. F’dawk il-każijiet investigati mill-MCA fejn kien evidenti li l-ħsara kienet ikkawżata mill-infrastruttura tal-operatur, il-konsumaturi ġew ipprovduti l-kumpens applikabbli kif indikat fil-kuntratt tagħhom.
L-Awtorità rċeviet ukoll 32 ilment dwar kontijiet u tariffi, u li 21 minnhom kienu dwar il-kontijiet. F’7 minn dawn il-każijiet, l-Awtorità kellha tintervjeni sabiex tassigura li xi ħlasijiet li ġew mitluba mill-operatur ikkonċernat jiġu riveduti kif meħtieġ. Fir-rigward tal-posta, l-Awtorità rċeviet 20 ilment fl-ewwel 6 xhur tal-2018.
L-Awtorità ressqet dawn il-każijiet għall-attenzjoni tal-operatur sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja bil-għan li nnuqqasijiet identifikati jiġu indirizzati. Il-ħarsien tal-klijent huwa aspett importanti tas-servizz u l-konsumaturi jistennew li jinqdew malajr meta jkollhom xi problema. F’dan ir-rigward, l-MCA żżomm monitoraġġ fuq il-ħin ta’ kemm l-operaturi jdumu biex iwieġbu t-telefonati. F’94% tal-każijiet, it-telefonati ġew imwieġba minn rappreżentant tal-kumpaniji msemmija f’inqas minn 5 minuti.