Ir-rapporti ta’ abbuż minn membri tal-knisja f’Malta s-sena l-oħra baqgħu fl-istess ilma.
Dan intqal fil-gazzetta KULLĦADD li kkonfermat li r-rapport annwali dwar l-abbużi se jkun ippublikat fil-ġranet li ġejjin.
Is-sena l-oħra kien hemm erbgħa u għoxrin każ u jidher li l-każijiet għal din is-sena jammontaw bejn wieħed u ieħor għall-istess numru.
Dan ser ikun it-tielet rapport wara li l-Arċisqof Charles Scicluna kien waqqaf il-kummissjoni, Ejjew Għandi, bl-iskop li turi aktar trasparenza fil-mod kif jiġu trattati każijiet ta’ din ix-xorta.Ir-rapport li se jkun ippubblikat jinkludi biss il-każijiet tal-2017, hekk kif rapporti li saru din is-sena mhumiex ser jissemmew.
Fost ir-rapporti riċenti nsibu l-każ tal-Arċipriet Emeritu, Mons Ewkarist Sultana. B’rabta ma’ dan il-każ, tkellem il-kap tas-Safeguarding Commission, Andre Azzopardi, fejn qal li kien hu li talab lill-Isqof Mario Grech biex Monsinjur Sultana jitwaqqaf mid-dmirijiet spiritwali tiegħu sakemm jiġu fi tmiemhom l-investigazzjonijiet.
Intant, mill-erbgħa u għoxrin ilment li kienu msemmija fl-aħħar rapport ippubblikat, dak għall-elfejn u sittax, 12 kienu minuri filwaqt li l-kumplament kienu adulti.
Il-Kullħadd żiedet tgħid kif minkejja li ġiet imwaqqfa din il-kummisjoni, il-knisja xorta waħda għadha tiġi kkritikata fuq dan.
Dan deher ċar x’ħin inqalgħet il-kwistjoni tas-saċerdot Bormliż li baqa’ jqaddes f’Malta, għalkemm kellu xi każijiet fl-Italja.