Bi tħejjija għall-iffirmar tal-ftehim settorjali tal-Pulizija li mistenni jiġi ffirmat nhar it-Tnejn 15 ta’ Ottubru li ġej, iż-żewġ unjins tal-Pulizija l-‘Police Officers Union’ u l-‘Malta Police Association’ se jkunu qed jagħmlu għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-uffiċjali tal-Pulizija.
Il-laqgħat se jsiru nhar it-Tlieta u l-Ħamis li ġej, fejn l-amministrazzjoni tal-Unjins rispettivi flimkien ser ikunu qed iressqu l-ftehim settorjali milħuq bejn l-istess unjins u l-Gvern għall-approvazzjoni tal-membri. Jekk l-uffiċjali tal-Pulizija membri fiż-żewġ unjins japprovaw dan il-ftehim settorjali, dan imbagħad jiġi ffirmat nhar it-Tnejn 15 ta’ Ottubru.
Dan hu l-ewwel ftehim settorjali li sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-Unjins tal-Pulizija mwaqqfin fl-aħħar leġislatura, hekk kif l-aħħar ftehim settorjali sar fl-2012 meta dak iż-żmien kienu għadhom ma twaqqfux l-unjins.
Il-Laqgħat ser ikunu qed issiru fl-Istitut Kattoliku tal-Furjana, fejn it-Tlieta ser issiru laqgħat għal kuntistabbli u s-surġenti fil-17:00pm u s-18:30pm, filwaqt li l-Ħamis se jsiru l-laqgħat kemm għall-kuntistabbli u s-surġenti kif ukoll is-Surġenti Maġġuri, Supretentendi u Spetturi fil-17:00pm u s-18:30pm. Nhar il-Ġimgħa mbagħad issir laqgħa ta’ konsultazzjoni għall-uffiċjali kollha Għawdxin fil-17:00pm u s-19:00pm fil-Kunvent ta’ Sant Antnin f’Għajnsielem.
Il-ftehim settorjali ma jinkludix l-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u l-Kummissarju.
Fi stqarrija l-‘Malta Police Association’ qalet li b’sodisfazzjon tgħid li l-maġġoranza tat-talbiet li għamlet ġew milquh amill-Gvern, u kien hemm qbil fuq il-maġġoranza tal-Punti, dan filwaqt li l-‘Police Officers Union’ qalet li wara diversi tahdidiet u laqghat ma’ dawk kollha konċernati, nistgħu ngħidu li l-proposti ewlenin li gew imressqa mill-unjins li jirraprezentaw il-Pulizija (POU u MPA) gew aċċettati mill-gvern u l-amministrazzjoni tal-korp.
Dan il-ftehim settorjali se jara lill-Uffiċjali tal-Pulizija għall-ewwel darba jibdew jaħdmu 40 siegħa flok 46 siegħa, filwaqt li jekk jaqbżu l-40 siegħa dawn se jibdew jitħallsu fuq bażi ta’ over-time. Din il-miżura awtomatikament ser tgħolli l-valur finanzjarju ta’ kull siegħa xogħol tal-Pulizija, dan għal fatt li l-paga grossa fix-xahar issa ser tinqasam bejn inqas siegħat u għalhekk l-valur ta’ kull siegħa jgħolla.
Issa l-ballun huwa f’idejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija li għall-ewwel darba se japprovaw il-ftehim settorjali li se jara titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.