Fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet ċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni tal-Green Flag Award, bħala parti mill-programm Eko-Skola, organizzat minn Nature Trust Malta.
Il-President appellat lit-tfal preżenti sabiex huma jkunu attivisti tal-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżna, fil-kuntest tal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u s-sbatax-il mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, “sabiex, f’pajjiżna jkollna ambjent xieraq.”
Hija qalet li l-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli hija marbuta intrinsikament mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Hekk kif, din is-sena, jaħbat is-sebgħin anniversarju mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda, il-President Coleiro Preca fakkret li dawn huma drittijiet li huma ta’ kulħadd.
Il-President tenniet li dak kollu li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp sostenibbli, għandu x’jaqsam ukoll ma’ ġustizzja ambjentali, li hija parti integrali minn ġustizzja soċjali u qalet li, “ma nistgħux nkunu champions tal-ġustizzja soċjali, jekk ma naħdmux biex jkollna ġustizzja ambjentali.”
“Dan kollu jinġabar f’dawk li huma d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u li l-Ġnus Magħquda reġgħet tkellmet dwarhom, u ġabet lill-komunità internazzjonali taqbel fuqhom fl-2015, meta qbilna li rridu nilħqu l-miri għall-iżvilupp sostenibbli sal-2030,” tenniet il-President.
Filwaqt li raddet ħajr lit-team ta’ Nature Trust Malta, għall-impenn li ħadu biex bdew il-programm Eko-Skola, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-għalliema u lill-kapijiet tal-iskola li kkoperaw, kkordinaw u mexxew il-programm mat-tfal, u rringrazzjat ukoll lit-tfal u ż-żgħażaġħ li pparteċipaw u ħeġġiethom biex jinkoraġġixxu lill-ħbieb tagħhom biex huma wkoll jipparteċipaw f’dan il-programm.
“Ejjew ħa naħdmu flimkien ħalli nassiguraw li l-futur ta’ pajjiżna jkun futur li jkun denju għalikom lkoll, bis-sehem tagħna, għad-dinjità ta’ oħrajn, huma fejn huma fid-dinja,” kkonkludiet il-President.