Ftit inqas minn €900 qed ikunu biżżejjed biex tfajliet Maltin itemmu t-tqala fl-ewwel stadju tagħha. Dan huwa proċess li kien qed ikun żvelat fl-istess jiem li donnha reġgħet qabdet sew id-diskussjoni dwar il-morning after pill. Anke jekk din tal-aħħar hija pillola kontraċettiva u differenti ħafna, din l-istorja esklussiva turi kif filwaqt li pajjiżna se jinfexx f’dan id-dibattitu, hemm realtà li qed tiġri.
Tfajla li tkellmet bil-kundizzjoni tal-anonimità, qalet li t-tqala tista’ tintemm kważi sal-ewwel tliet xhur. B’tabib kwali kat f’dan il- qasam, jibgħat numru ta’ pilloli lill-mara li talbet biex tittermina t-tqala, u ftit jiem it-tqala tintemm.
Għamilna eżerċizzju biex nipprovaw niksbu dawn il-pilloli, li huma differenti mill- morning after pill proposta bħalissa.
Kollox deher faċli u se nkunu qed niżvelaw pass pass il-proċess mill-bidu sakemm jaslu l-pilloli l-posta tad-dar ta’ dik il-persuna li tkun talbet għalihom.
Pruvajna l-ewwel metodu. Forsi l-aktar wieħed li jidher sempliċi. Sibna sit fuq l-internet, li għalkemm mhux diffiċli wieħed isib l-isem tiegħu qed nagħżlu li ma nippromwovuhx aħna. Dan minħabba raġunijiet mediċi. Is-sit jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar dan it-trattament.
Bagħtna email u għidna li ngħixu Malta. Għidna li t-tfajla għandha iktar minn ġimgħa tqala u li ridna niksbu dawn il-pilloli li jtemmu t-tqala. Urejna li kellna sens ta’ urġenza u t-tweġiba ma damitx ma waslet.
F’anqas minn kwarta nirċievu messaġġ awtomatiku. Intqal li l-email tagħna waslet u se tkun proċessata fi ftit tal- ħin. L-email kienet tgħid ukoll li biex tkun proċessata l-applikazzjoni huwa essenzjali li tħalli donazzjoni ta’ bejn sebgħin u disgħin ewro lil organiżazzjoni.
Ma waqafnix hawn u tkellimna wkoll ma’ min jaf sew kif jaħdem dan il-proċess.
Ladarba l-applikazzjoni tgħaddi, timtela formola li ssaqsi numru ta’ mistoqsijiet dwar kundizzjonijiet mediċi u oħrajn ġenetiċi.
Il-pilloli isimhom mifepristone u misoprostol. Iż-żewġ tipi ta’ pilloli li jwasslu t-terminazzjoni tat-tqala fl-ewwel ġimgħat tagħha. L-ewwel tittieħed il-pillola mifepristone u ftit tal-ħin wara tieħu sitt pilloli misoprostol.
Lil min jitħajjar jgħidulu li dan jista’ jsir id-dar sakemm għandu t-tagħrif sew u jkollu aċċess għall-kura ta’ emerġenza jekk kemm il-darba jkun hemm kumplikazzjonijiet.
Jingħad li r-rata ta’ suċċess hija ta’ 90%, u għalhekk teżisti possibbilità minima li l-intervent ma jaħdimx u għaldaqstant ikun hemm konsegwenzi serji fuq it- tarbija fil-ġuf tal-omm.
Dan minħabba li d-diviżjoni taċ-ċelloli ma tibqax għaddejja b’mod normali, u jekk dan iseħħ l-unika soluzzjoni tkun abort kliniku iktar il-quddiem fil-fażi tat-tqala.
Komplejna bl-investigazzjoni tagħna u staqsejna dwar kemm irid jgħaddi żmien biex nirċievu dawn il-pilloli, irriżulta li fi ftit jiem dawn jaslu bil-posta.
“Il-pakkett tiegħek jasal bid-DHL. Ikunu huma li jtuk stima taż-żmien. Però ġeneralment tieħu bejn ħamsa għal għaxar t’ijiem biex jasal Malta. Jista’ jkollok abort mediku sa 12–il ġimgħa ta’ tqala. Għidilna jekk ikollok iktar mistoqsijiet,” intqal lilna fir-risposta.
Jekk il-proċess jaħdem kif suppost, il-mara terġa’ tgħaddi miċ-ċiklu menstruwali u t-tqala tintemm minħabba żbilanċ fil-kimiċi responsabbli waqt it-tqala. Għalkemm dan it-trattament jidher li huwa effettiv fil-maġġoranza tal-każijiet, tabib li tkellem magħna ma rrakkomandahx.
Dan minħabba effetti sekondarji li jista jkollhom impatt permanenti fuq saħħet il-mara kif ukoll it-tarbija. Iżda dan kollu jikxef kif filwaqt li f’pajjiżna reġgħet qabdet id-diskussjoni dwar il-morning after pill, huma ħafna dawk li fi skiet ta’ darhom ma jgħidu xejn u jaġixxu skont il-ħtieġa.
Għalkemm wieħed irid jagħmilha ċara li l-morning after pill hija xi ħaġa differenti ħafna, dan huwa każ ieħor li juri kif hawn realtà li nitkellmu dwarha u oħra moħbija iżda reali.