Bħal-lum tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Franġisk il-patrun tal-annimali, u għalhekk tiġi ċċelebrata wkoll ġurnata ddedikata għall-ħarsien tal-annimali. Sabiex jitfakkar dan il-jum, il-Ministeru għal Għawdex iddedika nofstanhar ta’ attivitajiet immirati għat-tfal tal-iskola bil-għan li tkompli tiżdied l-attenzjoni lejn il-ħarsien tal-annimali.Il-Ministru Justyne Caruana f’kelmtejn tal-okkażjoni qalet li għalkemm sar ħafna biex jikber l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali, sfortunatament xorta għadna nisimgħu b’abbużi u b’moħqrija fuq l-annimali. Il-Ministru semmiet li matul is-sena li għaddiet is-sezzjoni tal-Animal Welfare f’Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex assistiet ’il fuq minn 420 annimali abbandunati madwar il-gżira.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-ministeru mmexxi minnha investa u se jkompli jinvesti biex din is-sezzjoni tkompli tissaħħaħ. “Wara li ġiet introdotta ambulanza ġdida f’Ġunju li għadda u sar investiment fil-kapital uman, illum se nawguraw faċilità oħra biex l-annimali jkollhom aktar spazju fejn jimirħu waqt li jkunu qed jistennew għall-adozzjoni”, qalet il-Ministru Caruana. Il-proċess biex jitjiebu l-faċilitajiet miexi kif pjanat u meta jitlesta l-proġett se jkun hemm faċilitajiet ġodda u moderni fejn il-familji jgawdu l-ħin u l-ispazji miftuħa mal-pets tagħhom.
Għal din l-attività saret esebizzjoni mill-klieb tal-Korp tal-Pulizija u kien hemm sezzjonijiet informattivi dwar it-trobbija u l-ħarsien tal-annimali.