Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħat l-istedina tas-CCU Foundation biex jiġu preżentati 15-il-defibrillator lill-iskejjel Għawdxin.
Justyne Caruana ħeġġet sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-użu ta’ dan l-apparat hekk importanti li jista’ jsalva l-ħajja. Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-għalliema se jgħaddu minn proċess ta’ taħriġ fuq kif jintuża defibrillator kif ukoll fl-istess ħin, l-istudenti jiġu mgħallma dwar l-użu ta’ dan l-apparat. Dan biex jaħdmu id f’id ma’ xulxin u jkollhom mezz ieħor biex tingħata l-ewwel għajnuna.
Il-Ministru Caruana kompliet tgħid li għalkemm Għawdex hija gżira żgħira, u għandna pass ‘il bogħod miċ-ċentri tas-saħħa u l-isptar ġenerali, xorta jkun hemm dawk il-ftit minuti li jagħmlulna differenza f’ħajjitna għalhekk huwa importani li jkun hemm dawn l-AEDs ġo l-iskejjel bħala l-ewwel għajnuna li jistgħu jintużaw ukoll f’każ ta’ emerġenza barra mill-iskola.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lis-Sinjura Carmen Bellamy f’isem is-CCU Foundation għad-donazzjoni tagħha u ta’ dan il-ġest sabiħ fejn fl-aħħar mill-aħħar se nkunu qed insalvaw iktar ħajjiet.