Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenz ta’ 29 sena ħabs għal Joseph Azzopardi, r-raġel li qatel lil Therese Agius b’doża qawwija ta’ droga eroina u li wara tefagħha l-baħar.
Dan il-każ jeħodna lura għal Ottubru tal-1999, meta Azzopardi f’lejla xitwija ltaqgħa ma’ Agius għal skop ta’ prostituzzjoni.
Kien fl-2011 li bi tmien voti kontra wieħed, il-ġuri sab lil Azzopardi ħati li prova joqtol lil Agius u li traffika d-droga.
Azzopardi qal li hu ma ingħatax smigħ sewwa għaliex kien hemm xi proċeduri li ma ġewx osservati kif suppost, però il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ dan. Il-Qorti qalet ukoll li ma qablitx li ma kellhomx jitressqu xi provi dwar kif għebet Agius. Il-Qorti saħqet li dawn il-provi kienu utli, dan għaliex il-katavru instab 11 –il ġurnata wara u kien diffiċli biex tiġi identifikata l-mara.
Wara li l-akkużat attakka lix-xhud qal li hu ma kienx preżenti fuq il-post meta seħħ dan il-każ. Però l-Qorti qalet li Azzopardi mhux biss kien preżenti iżda li hu wkoll ħati li ma għenx lil Agius xħin kienet mitlufa b’overdose.
Il-Qorti tal-Appel ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Joseph Zammit McKeon u Edwina Grima qalet li l-piena ta’ 29 sena ħabs ma kenitx waħda eċċessiva jekk din tiġi mqabbla ma’ qtil involotarju li jġorr miegħu għomor ħabs.