Infrastructure Malta qed tistieden kumpaniji lokali u internazzjonali jitfgħu offerti għall-bini mill-ġdid ta’ aktar minn 120 triq residenzjali minn fost dawk li ser jitranġaw fl-2019 bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali fis-snin li ġejjin.
Għadd ta’ toroq residenzjali oħra li wkoll ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla ser jitħabbru f’talbiet oħra simili li ser joħorġu fix-xhur li ġejjin. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta qed tikkollabora wkoll mal-Ministeru t’Għawdex, li bħalissa jieħu ħsieb l-iżvilupp tat-toroq f’din il-gżira, sabiex jappoġġja investimenti simili għall-bini mil-ġdid ta’ toroq fil-lokalitajiet Għawdxin ukoll.
Din is-sejħa għall-offerti hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Malta li tiġbor flimkien ix-xogħol meħtieġ biex jittranġaw ħafna toroq f’lokalitajiet differenti, minflok proċess aktar fit-tul b’sejħiet separati għal kull triq li teħtieġ tinbena mill-ġdid. Is-sistema l-ġdida tagħti lil dawk li jkunu ser jitfgħu l-offerta l-kapaċità li jipproponu servizzi u materjali ta’ kwalità ogħla, bi prezzijiet irħas. B’hekk, ix-xogħol li jsir ikattar il-valur tal-investiment u jagħti infrastruttura aħjar lir-residenti tat-toroq li jgħixu fihom.Eluf ta’ familji li jgħixu f’25 kilometri ta’ toroq residenzjali ser igawdu minn toroq ta’ kwalità ogħla permezz ta’ dan l-investiment inizjali.
It-toroq huma:
Ix-xogħlijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq inqasam f’ħames gruppi, b’kull wieħed jinkludi għadd ta’ toroq residenzjali. Dawk li jkunu interessati li jidħlu għal din il-ħidma jistgħu jitfgħu offerti għal xi wieħed jew aktar minn dawn il-gruppi, jew għal kollha kemm huma. Madankollu, sabiex jikkwalifikaw għall-kuntratt, dawk li jitfgħu offerti qed jintalbu jikkonfermaw li għandhom ir-riżorsi u l-kapaċità teknika meħtieġa sabiex iwettqu x-xogħol mitlub fil-ħin u skont l-istandards stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà. B’hekk, qed jiġi żgurat li l-kuntratti jintrebħu minn kumpaniji jew konsorzji li verament kapaċi jlestu x-xogħol fil-ħin stabbilit minn Infrastructure Malta, biex jonqos ir-riskju ta’ dewmien u ta’ diffikultajiet oħra relatati għar-residenti.
Wara li kkonsultat il-kunsilli lokali u entitajiet oħra konċernati, u wara li qieset ukoll talbiet għall-għajnuna minn ħafna residenti, Infrastructure Malta fasslet lista ta’ toroq sabiex jinbnew mill-ġdid permezz ta’ din is-sejħa għall-offerti. L-għażla saret wara li ġew meqjusa l-istat preżenti tat-toroq u fatturi oħra, bħall-konnessjonijiet ta’ triq ma’ toroq jew inħawi oħra fil-lokalità kif ukoll il-frekwenza ta’ kemm jintużaw. Il-lista tinkludi toroq residenzjali minn kull lokalità. Uħud mit-toroq magħżula f’din is-sejħa qatt qabel ma ġew mibnija kif meħtieġ. Dan ifisser li ħafna mill-infrastruttura tagħhom, fosthom pedamenti u bankini, ser ikunu qed jinbnew għall-ewwel darba permezz ta’ dan l-investiment.
Dawk interessati li jitfgħu l-offerti għal din il-ħidma jistgħu jagħmlu dan sa nhar it-Tnejn, 5 ta’ Novembru 2018. F’Novembru, Infrastructure Malta tibda l-proċess tal-għażla tal-aħjar offerti, sabiex tkun tista’ tibda l-ewwel xogħlijiet f’Jannar 2019.
Il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq jifforma parti mill-pjan fit-tul tal-Gvern li gradwalment itejjeb il-kwalità, sigurtà, effiċjenza u sostenibilità tas-sistema tat-toroq Maltin, permezz ta’ investiment infrastrutturali ta’ €700 miljun f’seba’ snin.
Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew info.im@infrastructuremalta.com.