Elaine Pavia, Kap tas-Servizzi ta’ The Good Shepherd Sisters – Dar Merħba Bik Foundation, intagħżlet bħala l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali tal-2018 li se ssir bejn it-Tnejn 5 u l-Ġimgħa 9 ta’ Novembru 2018. Organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ġimgħa se tinvolvi mijiet ta’ avvenimenti madwar l-UE biex tenfasizza l-benefiċċji li l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) joffru lin-nies ta’ kull età. “Skopri t-Talent Tiegħek!” hu l-motto tal-kampanja. Elaine Pavia għandha l-għan li turi li l-VET u l-apprendistati huma għażla intelliġenti, li twassal għal impjiegi ta’ kwalità għolja u żieda fl-impjegabiltà.
Pavia hi waħda minn grupp ta’ Ambaxxaturi minn Stati Membri tal-UE differenti li offrew b’mod volontarju li jxerrdu l-kelma dwar l-VET fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Hi ntagħżlet għal dan ir-rwol prestiġjuż mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali f’Malta minħabba r-rwol ispiranti tagħha.
“Jien dejjem lesta li ngħin lil kull min għandu bżonn. Hekk niddefinixxi lili innifsi,” qalet Ms Pavia. “L-esperjenzi tal-ħajja għalmuni ħafna, u minnhom nibtet fija l-ħeġġa għall-istudju vokazzjonali kif ukoll għall-karriera tiegħi. Bħala l-Ambaxxatrici Maltija għall-VET, inħeġġeġ lil kull persuna mħajjra, li tagħmel dan il-pass biex tikseb l-għarfien, kapacita’ kif ukoll l-abilta’ f’setturi varji ta’ dan il-qasam skont il-ħiliet u x-xewqat tal-persuna.”
“Bħala l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali tal-2018, ninsab ħerqana biex naħdem mill-viċin mal-Kummissjoni Ewropea sabiex inqajjem aktar kuxjenza dwar din l-inizjattiva importanti għal pajjiżna. Il-ħiliet vokazzjonali u l-apprendistati jistgħu jgħinuk tiskopri kemm it-talenti tiegħek, kif ukoll ix-xogħol tal-ħolm tiegħek. Il-VET jista’ jiftaħ il-bieb għal għadd kbir ta’ professjonijiet u snajja’ – disinjatur, mużiċista, sales person, stilista, elettriċista, inġinier, mastrudaxxa, u oħrajn. Il-lista ta’ possibiltajiet hi bla tmiem. U rridu niftakru li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma opportunità għal kull età – qatt mhuwa tard wisq biex titgħallem.”
Marianne Thyssen, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobiltà tal-Ħaddiema, qalet: “Hu ta’ pjaċir għalija li Elaine Pavia aċċettat ir-rwol ta’ Ambaxxatriċi għall-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali tagħna f’Novembru. Jien konvinta li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma għażla tajba ħafna għal karriera tal-ogħla kalibru, u naf li Elaine Pavia għandha l-istess determinazzjoni u impenn tagħna biex nifirxu dan il-messaġġ b’mod qawwi u ċar”.
Is-sena l-oħra, saru iktar minn 1,500 avveniment madwar 45 pajjiż matul it-tieni edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali. Il-Ġimgħa tal-2018 hija mistennija li tattira parteċipazzjoni ferm ikbar. Il-kampanja fuq il-midja soċjali s-sena l-oħra laħqet iktar minn 15-il miljun persuna.