Bil-mozzjoni ppreżentata iktar kmieni llum mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, jidher b’mod evidenti li l-Oppożizzjoni qiegħda tippersisti fil-politika ta’ konfużjoni billi evidentament ibbażat il-mozzjoni tagħha fuq diċeriji u preżunzjonijiet żbaljati ppubblikati fil-ġurnal bl-ingliż tal-Ħadd li għadda. Dawn l-istqarrijiet ġew kjarifikati bi stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fejn b’mod ċar ikkjarifika u rribatta l-istess preżunzjonijiet magħmula mill-istess ġurnal.
Il-Ministeru għall-Ambjent itenni illi wieħed mill-għanijiet prinċipali wara l-Avviż Legali 296 tal-2018 huwa illi jikonsolida l-liġijiet diversi relatati mar-rimi illegali ta’ skart, hekk kif dawn qegħdin jiġu armonizzati taħt l-Att prinċipali dwar l-ambjent. Dawn ir-regolamenti huma ntiżi wkoll li jsaħħu l-provedimenti relatati mal-infurzar, fejn qegħdin jiġu introdotti penali aktar iebsa għal min jippersisti fl-abbuż, kif ukoll tiddaħħal kultura b’kuxjenza aktar ambjentali f’dak li huwa riċiklaġġ f’postijiet pubbliċi.
Kien sa mill-bidu tal-2018 li l-Ministeru għall-Ambjent beda diskussjonijiet intensivi mal-kunsilli lokali kollha u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn anka il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera saħansitra indirizza sessjoni tal-plenarja tal-istess assoċjazzjoni.
Fatt ewlieni illi l-Oppożizzjoni qiegħda tinjora b’mod intenzjonat huwa l-impenn tal-gvern illi jsaħħaħ il-kapaċità ta’ infurzar fejn jidħol ir-rimi ta’ skart b’mod abbużiv. Sa qabel ma ġew ipubblikati dawn ir-regolamenti ma kien jeżisti l-ebda mekkaniżmu fil-liġijiet ta’ Malta li jirregola meta, fi x’ħin, u liema tip ta’ skart wieħed għandu joħroġ wara l-bieb tar-residenza privata rispettiva. Huwa permezz tal-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu flessibli, permezz ta’ skeda apposta (illi sabiex din tinbidel tirikjedi biss firma tal-ministru responsabbli u dan skont l-esiġenzi tal-kunsilli lokali rispettivi) illi dan qiegħed jiġi regolarizzat sabiex inaqqas l-inkonvenjent ta’ skart mitluq fit-toroq.
Il-Ministru Herrera diġà ħabbar fi stqarrija uffiċjali tal-gvern, illi l-proġett pilota tal-ġbir tal-iskart organiku illi kien implimenta dan il-gvern fl-2015 f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex kollu, se jkun estiż b’mod nazzjonali mill-31 ta’ Ottubru 2018. Għaldaqstant, huwa loġiku li l-iskeda tiġi aġġornata u effettiva hekk kif dan jiġi fis-seħħ.
II-Ministeru għall-Ambjent qiegħed iqassam bieb bieb fuljett fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex, kemm dawk illi qegħdin jirċievu l-kontenituri tal-iskart organiku kif ukoll dawk li se jirċievu l-kontenituri għas-separazzjoni tal-kumplament tal-iskart, fejn fih b’mod ċar jispjega x’għandu jintrema f’kull borża differenti. Dan huwa parti minn kampanja informattiva nazzjonali illi l-ministeru qiegħed jagħmel permezz tal-WasteServ.
L-unika inkompetenza grassa hija proprju evidenti fil-mod kif l-Oppożizzjoni ta’ Delia, b’Jason Azzopardi bħala s-suppost paladin tal-ambjent, qiegħda tikkomporta f’dan is-settur hekk importanti u sensittiv. Wieħed ifakkar li t-track record ta’ Delia u Jason Azzopardi huwa kliem fieraħ u nuqqas ta’ ideat, biss meta l-Oppożizzjoni ġiet offruta sabiex tkun parti jew tinnomina persuna ta’ fiduċja fil-kumitat tekniku għażlet li ma tipparteċipax. Il-Ministru Herrera jilqa’ kull diskussjoni matura fil-Parlament fuq il-qasam ambjentali u se jibqa’ mpenjat sabiex ikompli jimplimenta aktar miżuri għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.