Bdiet il-kampanja ta’ Pink October ta’ din is-sena, biex titqajjem iktar kuxjenza fost nisa u tfajliet biex jegħlbu l-biża’, u jiċċekjaw lilhom infushom u jagħmlu t-testijiet biex ikun miġġieled il-kanċer tas-sider.
Dan anke fid-dawl li minkejja li l-Gvern joffri testijiet b’xejn, ftit huma dawk li jaċċettaw l-istedina biex jiċċekkjaw sidirihom.
Fl-ewwel jum t’Ottubru, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat, żaret l-iskola primarja tal-Gżira, li f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-post, organizzaw żifna mill-istudenti, u ppreżentaw ammont ta’ fondi għal din l-inizjattiva.Barra minn hekk, filgħodu s-Sinjura Muscat, flimkien mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, żaru waħda miż-zebra crossing madwar il-pajjiż li ġew ikkuluriti roża u abjad biex titqajjem iżjed kuxjenza dwar din il-kawża.
Il-kampanja Pink October tkompli tul ix-xahar kollu, fejn bi ftehim ma’ numru ta’ Kunsilli Lokali, numru ta’ binjiet se jinxtegħlu b’dawl roża. Dan biex titqajjem il-kurżità u jitwassal il-messaġġ ta’ Pink October.
Din tingħaqad ma’ bosta attivitajiet oħra lesti għal dan ix-xahar, fosthom il-Pink Ride bejn Malta u Għawdex il-Ħadd.
Dan kollu biex tkun imxejna l-biża’ mill-iscreening tas-sider, biex il-kanċer tas-sider jinqabad fi stadju bikri, u jkun miġġieled minnufih.
Tul dan ix-xahar diversi binjiet jinxtegħlu roża, fosthom iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.