Hekk kif tul dawn l-aħħar jiem it-temp kesaħ u saħansitra kien hemm ħalbiet tax-xita fuq il-gżejjer Maltin, jidher li l-maltemp se jkun qed jirritorna. Dan hekk kif is-sit tat-tbassir tat-temp FirstMalta rrapporta kif għada mistennija ammont ta’ xita fuq il-gżejjer Maltin bit-temperaturi se jinżlu wkoll fejn mhux se jkunu qed jaqbżu l-25Grad Celsius.
Ix-xita se tkun qed tilħaq l-Italja u ċ-ċentru tal-Mediterran għada. Jidher li skont l-aħħar tbassir mill-mudelli prinċipali tat-temp, l-gżejjer Maltin se jkunu milquta wkoll.
Din l-instabilità qed tiġi kkawżata minn pressjoni baxxa li se tkun qed taħkem fuq iż-żoni tagħna u kunflitt bejn temperaturi kesħin u dawk sħan mistennija joħolqu perjodi ta’ xita bir-ragħad.