Waqt id-diskors tal-ftuħ tas-sena akkademika 2018-2019, ir-Rettur tal-Università Alfred Vella saħaq fuq kif jixtieq li kull min jiġi jaħdem f’Malta għandu jitgħallem il-lingwa Maltija.
Hekk kif beda l-indirizz tiegħu qal kif allavolja fost dawk preżenti kien hemm studenti barranin, kif ukoll lekċerers, xorta waħda għażel li jagħmel l-ewwel parti tad-diskors tiegħu bil-lingwa Maltija. Spjega kif għamel dan sabiex l-istudenti ta’ l-Università qadima jżommu f’moħħhom li l-fatt li għandhom ilsien li hu differenti minn dak ta’ ħaddieħor, hu privileġġ li mhux mogħti liċ-ċittadini kollha tal-globu. Hu saħaq dwar kif jixtieq li dawk kollha li jiġu jaħdmu u jagħmlu żmien fil-gżejjer Maltin, iħoss il-bżonn li jitgħallmu jużaw il-lingwa tal-pajjiż – b’mod partikolari dawk li għandhom kuntatt man-nies f’qasam li l-komunikazzjoni hi importanti.
Spjega kif din ma tgħoddx biss għat-tobba, infermiera u għalliema iżda anke dawk li jservu f’ristoranti, lukandi u postijiet oħra fejn il-klijenti li jitkellmu bil-Malti biss huma ttrattati qishom “li waqgħu mill-qamar” fejn “iġegħluk tħossok li qiegħed f’pajjiż barrani minflok f’Malta jew f’Għawdex.”
Hu kompla billi qal li mnalla li l-maġġoranza tal-Maltin huma bilingwi bit-tieni lingwa tkun waħda li tinftiehem b’mod internazzjonali, fejn minn hemm qal kif issa se jkun qed ikompli bit-tieni lsien tal-pajjiż sabiex jifhem kulħadd.