Ċifri tal-Eurostat juru li matul Awwissu li għadda, Malta żammet postha mal-pajjiżi bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri juru li matul Awwissu, ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 3.8 fil-mija. Ir-Repubblika Ċeka kellha l-inqas rata ta’ qgħad bi 2.5% waqt li l-Greċja rreġistrat l-ogħla rata ta’ qgħad b’aktar minn 19% segwita minn Spanja bi 15% u l-Italja b’9.7%.L-istatistika tal-Euorstat turi wkoll li r-rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi li jħaddnu l-munita ewro kienet tammonta għal aktar minn tmienja fil-mija.
Bi 8.8 fil-mija, l-istatistika turi wkoll li Malta kompliet tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u kellha fost l-inqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ taħt il-25 sena.
L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea jistma li matul Awwissu li għadda, aktar minn 16,600,000 persuna kienu qegħdin ifittxu impjieg fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.