Fl-okkażjoni tal-400 anniversarju mit-twaqqif tat-Torri ta’ Kemmuna, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana għamlet żjara uffiċjali fil-gżira ta’ Kemmuna.Waqt din iż-żjara hija żaret it-Torri ta’ Kemmuna u flimkien mal-voluntiera ta’ Din l-Art Ħelwa ħadet sehem f’ċerimonja simbolika fejn ukoll kien hemm re-enactment tal-okkażjoni. Il-Ministru Justyne Caruana ferħet u rringrazzjat lill-voluntiera għall-ħidma tagħhom u tenniet l-appoġġ sħiħ kollu tal-Ministeru għal Għawdex fil-missjoni b’risq ir-restawr u żamma ta’ siti storiċi hekk kif il-Ministeru għal Għawdex għadu kif iffinanzja d-dwal tal-istess torri.
Kienet ukoll opportunità biex il-Ministru Justyne Caruana tagħmel żjara lir-residenti ta’ Kemmuna li hija wkoll parti minn Għawdex. Ir-residenti wrew tħassib dwar l-aċċessiblità għal gżira kif ukoll l-aċċessibilità fuq il-gżira u l-ħtieġa ta’ infrastruttura bażika li tkun tista’ taqdi l-ħtiġijiet essenzjali tagħhom u dan filwaqt li jkun hemm rispett sħiħ lejn is-sensittività tal-post.
Il-Ministru Justyne Caruana assigurat li l-Ministeru mmexxi minnha diġà ħejja pjan li qed jiġi diskuss mal-awtoritajiet u bħala l-ewwel pass ġiet sottomessa applikazzjoni biex isiru xogħlijiet fuq it-triq u parti mill-moll li ġġarfu li huma lok ta’ perikolu kontinwu. Malli l-awtortijiet jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, ix-xogħol ikun jista’ jsir.