Il-Moviment Graffitti fi stqarrija qal li qed jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kampanja sabiex tiġi mogħtija l-liċenzja għall-bejgħ tal-morning after pill.
Jemmn li l-għotja ta’ din il-liċenzja jkun ifisser li n-nisa jkollhom aktar awtonomija fuq ġisimhom u jkunu jistgħu jeżerċitaw iktar id-drittjiet riproduttivi tagħhom. Dan minflok ikollhom l-organi riproduttivi tagħhom ikkontrollati mill-gvern u minn gruppi ta’ pressjoni reliġjużi.
Id-dritt tal-mara li tuża kontraċezzjoni t’emerġenza hija meħuda bħala xi ħaġa ovvja fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi demokratiċi, osservaw tal-Graffitti.
Iżda jidher li f’Malta hawn kruċjata kontra l-awtonomija tal-mara, id-dritt fuq ġisimha u d-dritt li tkun hi li tmexxi ħajjitha.
Dan ipoġġi lill-mara f’sitwazzjoni prekarja, jnaqqas il-liberta’ tagħha u jagħmilha suġġetta għal soċjeta’ partijarkali ossessjonata bil-kontroll fuq il-ġisem tal-mara.
Għalhekk, il-Moviment Graffitti esprima s-solidarjeta’ sħiħa tiegħu lejn l-attivisti li qed jaħdmu kontra l-indħil fil-ħajja personali tan-nisa.
“Nemmnu li, fuq kollox, din hija ġlieda għall-ugwaljanza msejsa fuq l-idea li n-nisa m’għandhomx ikunu ddettati minn liġijiet u politika mponuti fuqhom minn nies li probabli qatt ma se jkunu fis-sitwazzjoni tagħhom” temmew jgħidu.