Il-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda mod ġdid ta’ kif jitħaddmu ċ-ċedoli u se jibqa’ jżomm sigrieta l-ismijiet ta’ dawk li qegħdin jiffinanzjawh.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista kkonferma li se jibqa’ jħaddem l-iskema eżatt kif kien imexxiha l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’artiklu fit-Torċa, il-Partit Nazzjonalita spiċċa jmeri lill-Viċi Kap Robert Arrigo meta ddikjara li l-iskema qatt ma twaqqfet.
Dan meta fuq il-Fosos waqt il-festi tal-Indipendenza, Arrigo tkellem b’mod ċar dwar kif l-iskema reġgħet bdiet mill-ġdid.
Iżda aktar importanti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista kkonferma li l-iskema baqgħet l-istess kif kienet meta ġiet introdotta bid-differenza li dawk li kienu jgħaddulhom self mill-idejn ta’ għaxart elef ewro għal għaxar snin, issa naqsu l-ammont għal elfejn ewro.
B’hekk għal darb’oħra l-iskema se tkun waħda sigrieta fejn min isellef eluf kbar fuq l-idejn lill-Partit Nazzjonalista, jibqa’ ma jkunx magħruf.
Aspett li ġab kritika kbira lill-Partit Nazzjonalista meta tnediet għax tmur kontra l-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
It-Torċa temmet tgħid li filfatt il-Partit Nazzjonalista isellef miljuni ta’ ewro li mhux magħruf mingħand min daħlu filwaqt li kkonfermat li kien hemm djun ma’ negozjati u kuntratturi li nbiddlu f’ċedoli.
Osservaturi politiċi sostnew li l-Partit Nazzjonalista taħt Delia qed ikompli jimsaħ saqajh fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti u rema barra mit-tieqakull diskors dwar trasparenza u onestà.