Sar magħruf li x-xandar ta’ esperjenza kbira, Norman Hamilton, se jkun qed jirritorna fuq it-televiżjoni mix-xahar id-dieħel. Norman Hamilton ikkonferma li se jkun qed imexxi programm ġdid fuq ONE.
Magħruf għal snin twal bil-programm ta’ diskussjoni Bla Aġenda, Norman Hamilton, se jippreżenta programm li din id-darba se jkollu Aġenda. Mgħoni b’iktar esperjenza wara numru ta’ snin fid-diplomazija fir-Renju Unit, Hamilton qal mal-gazzetta t-TORĊA: “Ix-xandir jibqa’ dejjem l-ikbar imħabba tiegħi. Meta ntlabt biex inkun jien li mmexxi dan il-programm qist sew jekk għandiex ngħamel dan, anke jekk l-ikbar imħabba tiegħi tibqa’ t-televiżjoni. Peró ma domtx ma’ fhimt li Aġenda jista’ jkun proġett interessanti. F’dinja fejn il-fatti qed isibu mewġa ta’ miżinformazzjoni kontra tagħhhom qed nara li fuq l-aġenda nitfa’ suġġetti li jkunu xi ftit jew wisq mhux ċari. Biex imbagħad mal-mistiedna fl-istudio niddiskutuhom. Irrid li sal-aħħar tal-programm is-segwaċi jkunu jistgħu jgħamlu l-ġudizzju tagħhom,” qal Hamilton.
Norman Hamilton żied li mhux se jkun waħdu u miegħu se jkollu tim ta’ persuni li jkomplu jagħmlu l-programm wieħed interessanti. Il-programm se jibda fis-16 ta’ Ottubru b’Hamilton jispjega li l-jiem li ġejjin se jkunu perjodu ta’ tħejjija għal dan il-programm.
Għal ONE dan ir-ritorn huwa meqjus bħala importanti issa li se tibda skeda ġdida.
Bla Aġenda dam jixxandar 20 sena sħaħ kull nhar ta’ Sibt. Norman Hamilton kien jippreżenta wkoll programm bl-isem ta’ Sibtijiet Flimkien fuq l-istazzjon nazzjonali bejn l-1983 u l-1987 bi programm maratona fejn biddel ir-realtà tat-televiżjoni. Kien programm li jsegwuh eluf ta’ telespettaturi fiż-żmien fejn il-varjetà televiżiva kienet għadha fil-bidu tagħha.