Sodisfatti b’servizz aktar aċċessibbli u effiċjenti.
Hekk nistgħu ngħidu li ħassewhom uħud mit-tmien mitt pazjent li rrikorrew fiċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid f’Ħal Kirkop fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ tiegħu.
Dan meta tkellimna magħhom wara li ngħataw xi wieħed mis-sbatax-il servizz li qed joffri dan l-istess ċentru.
Il-bżonn għal dan iċ-ċentru – li jkopri madwar tmienja u għoxrin elf persuna minn Ħal Far, Ħal Farruġ, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, l-Imqabba, il-Qrendi u ż-Żurrieq, kien ilu jinħass is-snin, bħalma qalu f’kummenti ma’ ONE News is-Sindki ta’ Ħal Luqa u taż-Żurrieq.Schembri qal “Kien ilu jinħass il-bżonn li fir-reġjun tagħna jkollna ċentru tas-saħħa u meta tkellimna mal-Ministru tas-Saħħa laqa’ l-proposta tagħna u l-ħolma li fil-viċinanzi tagħna jkollna dan iċ-ċentru, illum saret realta.”
Farrugia qal li “Aħna ferm kburin li nużaw dan is-servizz tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod miż-Żurrieq għal Ħal Kirkop triq hemm tifred minn kull lokalità.”
B’investiment ta’ madwar miljun ewro, iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Kirkop huwa biss ħolqa minn katina ta’ proġetti bħala parti minn viżjoni ta’ Gvern li jissaħħu s-servizzi fil-qasam tal-kura tas-saħħa primarja.
Dan filwaqt li jkomplu jkunu esplorati toroq ġodda biex tiżdied aktar l-aċċessibilità tal-pazjenti fil-komunità.