B’aktar minn tletin inċident waqt l-għadds, l-istaġun tas-sajf ta’ din is-sena kien l-aktar wieħed impenjattiv f’dawn l-aħħar tletin sena għall-Hyperbaric Unit fl-Isptar Mater Dei.
Dipartiment li jinsab żewġ sulari taħt l-Emerġenza, u li b’erba’ kompressuri li jiffiltraw l-arja, jagħti l-ossiġnu lill-pazjenti. Barra dawn l-istess dipartiment li jinsab Għawdex ra aktar minn 20 każ ieħor.
Il-konsulent mediku Stephen Muscat spjega li l-Hyperbaric Unit jitratta sitwazzjonijiet ta’ pazjenti li minuti jagħmlu d-differenza bejn ħajja u mewt.
F’każi ta’ inċidenti fil-baħar, spjega li l-bugħaddasa jiddaħħlu f’chamber fejn jingħataw l-ossiġnu. Trattament li jdum medja ta’ bejn sitt u tmien sigħat – skont il-kundizzjoni li jkun fiha l-vittma meta jiddaħħal l-Emerġenza.
Muscat qal “L-iktar komuni huwa d-decompression sickness min idum ħafna fil-qiegħ u ma jagħmilx l-istops li suppost jew inkella għax jogħdos iktar minn darba. L-iktar li jkollna turisti għax jiġu għal żmien qasir u jdaħħlu d-doppju ta’ dives u jagħmlu tnejn jew tlieta kuljum.”Il-Hyperbaric Unit jitratta każi oħra t’emerġenza li jista’ jgħaddi minnhom kulħadd.
Il-konsulent spjega li l-aktar komuni hija dik li tissejjaħ carbon monoxide poisoning – li jekk ma tkunx trattata fil-ħin, tista’ tkun fatali.
Qal “Kull min juża any fuel combustion f’post magħluq – eżempju karozza ġo garaxx, heater tal-gass fil-magħluq f’kamra mhux kbira ħafna, generators, ġieli qabdu xi fireplace fil-magħluq, dawk kollha jista’ jkollhom mingħajr ma jindunaw carbon monoxide poisoning u kelna każijiet anki sa dis-sena ta’ imwiet – ta’ nies li unfortunately jafu l-iskola u ma jkunux jafu biha.”
Bl-istaff mediku jsegwi l-proċess ta’ trattament li kien qed jingħata f’chamber li tesa’ tnax-il pazjent fl-isfond, Dr. Muscat spjega li l-Hyperbaric Unit jilqa’ wkoll pazjenti fuq bażi regolari b’diversi kundizzjonijiet; bħal infezzjonijiet fl-għadam u pazjenti li jitilfu s-smigħ.
Għal dawn il-pazjenti – li jgħoddu medja t’għaxra kuljum, it-trattament jieħu madwar sagħtejn.
Muscat qal “Dawn mhux ġurnata, jiġu għal sessions on a number of days. It-trattament ma jdumx daqshekk imma huwa trattament komdu, għandhom chamber vera moderna, air-conditioned, bl-entertainment – it’s very patient friendly.”
Huma erba’ kompressuri fil-Plant Room ta’ dan id-Dipartiment, li jiġbdu l-ajra minn fuq il-bejt tal-isptar u jgħadduha minn sistema ta’ filtrazzjoni.
Biswithom hemm ukoll tletin ċilindru li jinżammu dejjem mimlija bl-arja kompressata għal dak li jista’ jinqala’.
Il-manutenzjoni li ssir kull sena mill-Gvern fil-Hyperbaric Unit tamonta għal tnejn u tmenin elf ewro.