Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mat-tmexxija ta’ Steward Healthcare – l-akbar operaturi ta’ sptarijiet privati fl-Istati Uniti li jħaddmu madwar erbgħin elf professjonist, u li qed jinvestu fi tliet sptarijiet ġodda f’pajjiżna u fl-iskola medika ta’ Barts.
F’Boston fl-Istati Uniti, Dr. Muscat żar il-kwartieri tal-kumpanija fejn akkumpanjat mill-President ta’ Steward Healthcare International Armin Ernst, ingħata preżentazzjoni dwar l-aħħar sistemi li Steward qed tadotta biex il-pazjenti jkollhom rekords mediċi miżmuma bl-aħjar teknoloġija. Dan flimkien ma prattiċi li tuża l-kumpanija fl-isptarijiet tagħha biex is-servizz li jingħata l-pazjent ikun tal-aqwa kwalità.
Il-Prim Ministru ra dawn is-sitemi waqt żjara f’wieħed mill-isptarijiet immexxija minn Steward Healthcare, fejn iltaqa’ mal-istaff mediku responsabbli minn oqsma differenti tal-isptar – li wħud minnhom diġà ġew Malta.
F’pajjiżna, Steward Healthcare se tinvesti bil-kbir fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Karin Grech, u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.