Fir-raħal pittoresk tax-Xagħra Għawdex, fil-komunità ta’ Ġesu Nazzarenu, ser jinfetaħ ‘Night Shelter’ ġdid li joffri opportunità lill-anzjani li matul il-jum jgħixu fid-dar tagħhom u filgħaxija jsibu l-kenn u l-wens f’dan iċ-ċentru fejn iqattgħu l-lejl.
Apparti minn ‘Night Shelter’, il-post se jservi wkoll bħala Ċentru Pastorali fejn fih ser jilqa’ parruċċani għall-ħtiġijiet spiritwali, pastorali u soċjali. Il-binja li tinsab f’post għall-kwiet f’tarf ix-Xagħra hi mqassma fi tliet sulari, bit-tielet sular jitqassam f’bosta kmamar fejn jistgħu jorqdu l-anzjani u jagħmlu użu minn faċilitajiet mill-aktar moderni.
Dun Anton li huwa l-moħħ wara dan il-proġett spjega ma’ ONE NEWS kif minn xewqa żgħira li nibtet f’qalbu ħareġ proġett li ser iservi ta’ ġid għall-komunità.
Kien fl-2017 li ntlaħaq ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u l-komunita ta’ Ġesu Nazzarenu biex il-binja tibda tilqa’ wkoll lil anzjnai matul il-lejl.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat kif is-servizz kollu ta’ dan ix-Xelter ser ikun iffanzjajat mill-Gvern u li b’dan il-proġett se jibbenefikaw l-anzjani u l-familji tagħhom.
L-anzjani li jridu jorqdu fin-night shelter iridu japplikaw għas-servizz bl-applikazzjoni tiġi evalwata u assessjata minn team multidixxiplinarju.