Sewwieq ta’ karozza tal-linja ma nstabx ħati ta’ sewqan perikoluż wara li tressaq il-Qorti wara li ħabat fil-faċċata taċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard fl-2012.
Ir-raġel, li għanndu 48 sena u huwa mill-Imsida, kien qed isuq karozza antika tal-Arriva fl-1 ta’ Awwissu tal-2012 meta ħabat fil-faċċata taċ-ċimiterju u laqat barrikata u arblu tad-dawl. Jidher li l-ħsara tammonta għal €3,099.
Fil-ħin tal-inċiden kien hemm żewġ passiġġieri abbord. Waħda minnhom, li kienet fi triqtha mix-xogħol, ħabtet rasha u kellha bżonn attenzjoni medika. Jesmond Sghendo, is-sewwieq, kien mixli wkoll li kkawża ġrieħi fuq persuna involontarjament.
Fil-Qorti l-akkużat spjega kif fil-ħin tal-inċident kien qed isuq lejn il-Belt Valletta sabha diffiċli jimmanuvra l-vettura mal-ġenb biex idur kantuniera, bir-riżultat li ħabat fil-faċċata taċ-ċimiterju. Il-passiġġiera li weġġgħet fl-inċident qalet li dak il-ħin instema’ ħoss kbir u ħabtu mal-bankina u mal-faċċata.
Eżami li sar fuq il-vettura kkonferma ħsara fil-mekkaniżmu tal-vettura li setgħet kellha sehem fl-inċident.
Il-Qorti ddikkjarat li Sghendo mhux ħati.