Jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal sabiex f’Għawdex titwaqqaf l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, u dan fl-ispirtu sħiħ tal-wegħda elettorali li għandu dan il-gvern.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li matul dawn l-aħħar ġimgħat, kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni biex il-pubbliku jkun jista’ jwassal il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tiegħu dwar din l-awtorità. Hija spejgat li l-proċess kien totalment miftuħ peress li d-dokument ġie msawwar fuq il-konsultazzjoni li saret.Il-Ministru Justyne Caruana qalet li permezz tal-Awtorità dwar l-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex se jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali f’Għawdex. Għal darb’oħra, il-Ministeru għal Għawdex se jiffoka fuq id-direzzjoni politika fl-ambitu tal-politika nazzjonali, iżda b’enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta’ Għawdex. Il-Ministru Caruana sostnies li dan se jippermetti lill-Awtorità Reġjonali għal Għawdex li tistituzzjonalizza diversi rwoli.
Hija qalet ukoll li l-awtorità se tassigura li Għawdex ikollu strateġija ta’ żvilupp reġjonali li tiġi riveduta kull tliet snin biex kemm il-qafas ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex ikunu kontinwament aġġornati għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u l-opportunitajiet li jinħolqu.
Saru interventi wkoll mill-konsulenti David Spiteri Gingell, li ta rendikont tal-proposti li saru, u Dr Vanni Bruno, li ppreżenta l-abbozz li ġie msawwar minnu abbażi tal-kummenti li waslu.
Dan l-abbozz issa jiġi ppubblikat biex eventwalment jiġi wkoll diskuss fil-Parlament. Il-Ministru Caruana ħeġġet sabiex ikun hemm aktar djalogu u diskussjoni dwar dan l-abbozz għaliex huwa pass importanti mmens fl-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex li għandu jitqies bħala wieħed storiku.