Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-ħidma multilaterali twassal għal soluzzjonijiet sensibbli.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir waqt il-ftuħ tat-tlieta u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Dr Muscat qal li fl-istorja ta’ Malta, kien hemm diversi inizjattivi li ħallew il-frott, bħal-liġi tal-baħar, il-klima u d-drittijiet tat-tfal.
Sostna li dan huwa l-mod kif Malta se tkompli taħdem biex tikseb iktar riżultati fil-qafas tal-Ġnus Magħquda.
Huwa qal dan fl-isfond li ta’ kull sena, dil-ġimgħa tkun importanti ħafna biex il-mexxejja jiltaqgħu bejniethom u jiddiskutu dwar is-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet kontroversjali.
Il-Prim Ministru semma kif pajjiżi individwali jieħdu inizjattivi bħal dawk bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq.
Is-sena l-oħra konna qegħdin hawnhekk, konna qegħdin nisimgħu kulħadd meta sema’ dak il-ħin inkwieta ħafna l eskalazzjoni tas sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta fuq. Illum il-ġurnata wara sena jkollna ngħidu illi din is-sitwazzjoni impruvjat ħafna. Issa dis-sena qed naraw sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran.
Dwar it-tibdil fil-klima, suġġett li ssemma ħafna fil-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali, il-Prim Ministru Muscat qal li Malta hija kburija li tagħmel parti mill-ftehim ta’ Pariġi.
Spjega kif is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna tjiebet ħafna bil-qalba għall-gass fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Iżda sostna li dan għadu mhux biżżejjed.
Ir-riforma l-kbira li jmiss se tkun il-pjan li għaddej bħalissa dwaru li issa joħroġ għall-konsultazzjoni biex niddeċiedu d-data meta f’pajjiżna ma jibqgħux jinbiegħu karozzi li jaħdmu bil-petrol u bid-diesel. Inħarsu ’l quddiem li jkollna data ambizzjuża li mbagħad twassal minnha nnifisha għal titjieb fost oħrajn fil-kwalità tal-arja.