Nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru, bħala parti mill-attivitajiet ta’ Science in the City li se jsiru l-Belt Valletta, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku (minn 12 il-sena ‘l fuq) sabiex isegwi informazzjoni dwar ix-xjenza tal-konservazzjoni permezz ta’ studju eċċellenti relatat mal-proġett ta’ konservazzjoni tal-Gran Salon, li bħalissa jinsab għaddej bis-sapport tal-Bank of Valletta.
Il-Gran Salon, bil-ħitan tagħha mirquma b’disinji mill-isbaħ u mfassla b’saqaf bi travi tal-injam, ma naqset qatt milli taffaxxina l-viżitaturi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt, Valletta. Madanakollu, iż-żmien wasal sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji ta’ konservazzjoni u preservazzjoni ħalli din is-sala storika tkompli tmantni l-eleganza tagħha.
Interventi ta’ konservazzjoni u analiżi xjentifika li bħalissa għaddejjin fil-Gran Salon, ipprovdew aktar informazzjoni dwar dan is-sit. Studji bħal dawn juru kif ix-xjenza tista’ tkun ta’ użu sabiex nifhmu l-kumplessitajiet ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali.
Minbarra l-opportunità li jesploraw din s-sala storika, il-parteċipanti se jkunu jistgħu wkoll jattendu għall-preżentazzjonijiet li jwasslu din l-informazzjoni. Konservaturi ta’ Heritage Malta se jispjegaw kif qed iwettqu x-xogħol ta’ konservazzjoni fil-Gran Salon. Barra minn hekk, xjenzat mill-Heritage Malta Diagnostic Science Laboratories, se jispjega kif xi karatteristiċi moħbija li jinsabu wara t-tpinġijiet fuq il-ħitan tas-sala, ġew skoperti permezz tat-teknoloġija Infra Red, filwaqt li pigments ġew identifikati u ddatati skont il-perjodu ta’ manifattura u applikazzjoni. Dan kollu qiegħed isir f’isem il-konservazzjoni u l-preservazzjoni tas-sit.
Erbgħa preżentazzjonijiet se jsiru fil-Gran Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta. Dawn se jibdew kull siegħa mis-7:00pm, bl-aħħar waħda tibda fl-10:00pm.