L-Awtorità tad-Djar qed toffri s-servizzi tagħha wkoll lill-pubbliku mill-uffiċini ta’ servizz.gov f’Raħal Ġdid.
Kull nhar ta’ Erbgħa rappreżentanti tal-Awtoritá tad-djar qegħdin ikunu preżenti fl-uffiċċji ta’ Servizz.Gov, li jinsabu fil-binja tal-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid, bejn it-08:00 u 12:00.L-għan huwa li jonqos l-inkonvenjent għall-pubbliku li joqgħod fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u flok imur fil-binja tal-Awtorità tad-Djar il-Floriana, jinqeda fl-uffiċini tas-servizz.gov f’Raħal Ġdid.
Mindu beda jiġi offrut dan is-servizz, fl-aħħar ġimgħat, l-Awtorità diġà pproċessat ħamsa u tletin każ li kellhom x’jaqsmu mas-servizzi li toffri, fosthom applikazzjonijiet ġodda, rapporti ta’ manutenzjoni, tagħrif ġenerali u ħlas ta’ kirjiet fost oħrajn.
Bil-pubbliku jidher li huwa sodisfatt b’dan is-servizz ġdid tal-Awtorità tad-djar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li b’dan is-servizz l-Awtorità qiegħda tkun eqreb lejn il-pubbliku li jkollu bżonn xi servizz.
Filwaqt li fakkar kif l-Awtorità tad-djar toffri s-servizzi ukoll miċ-ċentru Leap Tal-Qawra, sabiex klijenti li joqogħdu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta jinqdew hemmhekk flok imorru għand l-Awtorità fil-Furjana:
“Trid tkun l-Awtorità li tifhem u toħroġ mill-Furjana u toffri servizz hawnhekk u tilqa’ għal bżonnijiet tan-nies. Fejn ikollhom servizz dirett”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li b’dawn is-servizzi li issa qed jiġu offruti f’Raħal Ġdid, l-Awtorità qiegħda tagħti sinjal ieħor ta’ kemm qed issir dejjem aktar rilevanti u effiċjenti biex tkun Awtoritá tan-nies. Filwaqt li qal mhux eskluż li dan is-servizz jiġi estiż f’lokalitajiet oħra fiż-żmien li ġej.