Waqt li kienet qed tipparteċipa f’diskussjoni bħala parti mill-Concordia Annual Summit 2018 fuq id-differenza fil-pagi tan-nisa u tal-irġiel u l-inugwaljanzi tal-ġeneru, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li bħala popolazzjoni globali, “mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa ta’ nofs il-popolazzjoni dinjija, qiegħdin nitilfu ħafna – qed nitilfu f’termini ta’ ġid, qed nitilfu f’termini ta’ tkabbir ekonomiku, u tal-progress soċjali tagħna.”Fil-fatt, hekk kif ikkwotat statistika mill-Bank Dinji, il-President qalet li jekk in-nisa u l-irġiel jkunu ugwali, it-tkabbir ekonomiku globali jiżdied b’$160 triljun. “B’mod effettiv, inkunu qed nindirizzaw il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-ewwel mira li titratta l-eliminazzjoni tal-faqar’, qalet il-President Coleiro Preca, filwaqt li żiedet tgħid li l-parità bejn il-ġeneri tnaqqas il-faqar b’ 30%.
“Biex isseħħ bidla, irridu nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa”
Hi qalet li s-sistemi edukattivi tagħna għandhom ikunu miftuħa għall-ugwaljanza tal-ġeneru u ekwità billi jgħarfu l-ostakli bażiċi li jeżistu bħalissa. Hija saħqet ukoll fuq l-importanza tal-empowerment u ta’ għarfien wiesgħa. Hija qalet li l-edukazzjoni u l-empowerment għandhom ikunu mmirati lejn bniet u subien, għaliex “hemm bżonn li nistinkaw ilkoll flimkien sabiex ikun hemm ekwità u parità effettivi.”
Il-President appellat lit-tfajliet u lin-nisa sabiex dawn ikunu kapaċi jagħmlu aktar networking bejniethom u biex ikunu determinati u ambizzjużi ladarba huma jkunu qed jifhmu li id-dinja u l-pajjiżi tagħna għandhom bżonn il-parteċipazzjoni tagħhom, fi kwalunke settur jew aspett.
Il-President Coleiro Preca qalet li filwaqt li huwa tajjeb li pajjiż jagħmel bidliet leġiżlattivi biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa, din l-istess leġiżlazzjoni trid tiġi implimentata effettivament permezz ta’ riżorsi adekwati, bħal, per eżempju, l-introduzzjoni ta’ child-care bla ħlas ġewwa Malta, li kellha effett immedjat fuq ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa.
Rigward id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (gender pay gap), il-President qalet li din hija realtà li trid tiġi indirizzata. Hawn il-President Coleiro Preca qalet ukoll li f’Malta, wara riċerka li saret apposta, instab li d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija agħar fost nisa li jkollhom xogħol ta’ kwalità għolja.
Fl-aħħarnett, il-President appellat lil dawk in-nisa li huma f’pożizzjoni ta’ tmexxija sabiex jagħtu l-opportunità lit-tfajliet biex dawn ikunu mentored. Meta jsir hekk “kollha kemm aħna nkunu qed ngħinu fl-empowerment tagħhom, sabiex għada pitgħada jkunu l-mexxejja effettivi tagħna.”
Intant, bħala parti mill-impenji tagħha ġewwa New York, il-President Coleiro Preca kellha għadd ta’ laqgħat bilaterali forsthom ma’ Kristalina Georgieva, Kap Eżekuttiv tal-Bank Dinji, u ma’ Atifete Jahjaga, eks President tar-Repubblika tal-Kosovo. Il-President ltaqħet ukoll ma’ Wendy Diamond, fundatriċi tal-Women’s Entrepreneurship Day Organisation, li ppreżentat il-Women’s Entrepreneurship Day Government Pioneer Award lill-President Coleiro Preca.