Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ippreżentaw l-ittra tal-ħatra lil żewġ Assistenti Kummissarji ġodda fil-Korp tal-Pulizija. Is-Sur Michael Mallia u s-Sur Anthony Cassar ġew maħtura f’din il-kariga. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm l-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà u uffiċjali għolja tal-Korp. Is-Sur Michael Mallia u s-Sur Anthony Cassar ġew maħtura f’din il-kariga.
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr kif ċertu persuni jaħsbu li l-Pulizija qed jaħdmu skont kemm ikun hemm uffiċjali fl-għases. “Jien li jinteressani hu li l-kriminalità tonqos, jiżdiedu s-suċċessi, nara lill-Pulizija jagħmlu xogħolhom u jnaqqsu l-kriminalità f’ċertu hotspots u li joperaw fuq sistema ta’ target policing”.
Il-Ministru kompla li r-rata tal-kriminalità naqset mis-sena l-oħra ‘l hawn u qed tkompli tonqos; dan minkejja li l-popolazzjoni żdiedet hekk ukoll kif żdied it-turiżmu u l-affluwenza fil-pajjiż. Huwa jqis l-inżul fir-rata tal-kriminalità bħala riżultat tax-xogħol kontinwu li qed jagħmel il-Korp tal-Pulziija. Il-Ministru għamel referenza għal kif il-Pulizija rnexxielha ssolvi numru ta’ każijiet li qabel ma kinux solvuti, fosthom it-tkissir ta’ diversi ċrieki ta’ kriminalità riżultat ta’ introduzzjoni ta’ teknika ġdida li qed tagħti riżultati pożittivi.
Il-Ministru qal li wieħed mill-Assistenti Kummissarji se jkompli bil-ħidma tiegħu mal-Europol fil-ħidma kontra l-kriminalità aktar wiesgħa li twassal ’il barra minn xtutna. Kompla jgħid li l-Assistent Kummissarju l-ieħor apparti x-xogħol u l-ħidma kontinwa tiegħu, għal snin twal mexxa l-banda tal-Pulizija. Huwa rringrazzja lis-Sur Michael Mallia u lis-Sur Anthony Cassar għad-dedikazzjoni tagħhom fil-Korp u awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom bħala Assistenti Kummissarji.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li huwa ta’ sodisfazzjoni kbir għalih li l-Korp reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu u ta opportunità lil żewġ membri ħabrieka tiegħu biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Il-Kummissarju awguralhom kull suċċess.