Meta bħala konsumaturi nixtru oġġetti għall-użu personali tagħna hemm liġi speċifika li tipproteġina, l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Din il-protezzjoni tapplika meta l-oġġetti li nixtru jew ma jkunux addattati għall-użu li suppost jagħmlu minħabba xi difett jew problema oħra, jew ma jkunux skont kif mifthiem fil-kuntratt tax-xiri. Meta jiġri hekk il-bejjiegħ huwa legalment responsabbli li jipprovdina b’rimedju. Ir-rimedji disponibbli huma jew li l-oġġetti jissewwew jew jinbidlu. M’għandux ikun hemm ħlas addizzjonali biex ningħataw dawn ir-rimedji. F’sitwazzjoni fejn la t-tiswija u l-anqas il-bdil ma jkunu possibbli, jew ikunu ser joħolqulna inkonvenjent kbir biex isiru, il-liġi tagħtina d-dritt li minflok nitolbu flusna kollha lura jew parti minnhom. Dawn ir-rimedji legali huma disponibbli għalina l-konsumaturi sa sentejn wara li nieħdu pussess tal-oġġetti mixtrija. Importanti li la darba nindunaw b’xi difett jew problema ninfumaw lill-bejjiegħ bil-miktub dwar dan, permezz ta’ ittra reġistrata, fi żmien xaharejn.
Minbarra din il-protezzjoni legali, fuq ċertu prodotti li nixtru ningħataw ukoll garanzija kummerċjali. Din it-tip ta’ garanzija tingħata b’mod volontarju għaliex l-ebda liġi ma timponi fuq il-bejjiegħ biex jagħti garanzija kummerċjali. Fil-fatt dawn il-garanziji normalment jingħataw biex ikabbru l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti għal bejgħ.
Però la darba garanzija kummerċjali tingħata trid tiġi osservata u m’għandix tipprova tnaqqas id-drittijiet legali li għandhom il-konsumaturi. Anzi, dawn it-tip ta’ garanziji għandhom ipoġġu lill-konsumaturi f’pożizzjoni aktar vantaġġuża mill-liġi.
Skont il-liġi tal-konsumatur, meta garanzija kummerċjali tingħata din għandha dejjem tingħata bil-miktub, u t-termini u kundizzjonijiet marbuta magħha għandhom ikunu miktuba ċari, bil-Malti jew bl-Ingliż. Fid-dokument tal-garanzija kummerċjali għandu jkun hemm din l-informazzjoni:
- l-isem u l-indirizz ta’ min hu responsabbli tal-garanzija;
- it-tul tal-garanzija mid-data tax-xiri. Jekk hemm perjodi ta’ żmien differenti għal partijiet differenti, dan għandu jkun speċifikat b’mod ċar fid-dokument tal-garanzija;
- kif konsumatur għandu jagħmel ilment u jitlob rimedju taħt il-garanzija. Il-konsumaturi għandhom jingħataw indirizz Malti fejn iressqu l-ilmenti tagħhom;
- jekk il-garanzija kummerċjali tistax tiġi trasferita. Fejn ma jkunx hemm referenza li mhux permess li jsir trasferiment, awtomatikament jitqies li l-garanzija tista’ tiġi trasferita;
- tipprovdi deskrizzjoni ċara tal-prodotti u servizzi koperti bil-garanzija. Sakhemm ma jkunx hemm speċifikat mod ieħor fil-garanzija, il-garanzija għandha tkopri d-difetti kollha li joħorġu fil-perjodu tal-garanzija;
- tgħid b’mod ċar x’ser jagħmel il-garanti u x’soluzzjonijiet ser joffri f’każ ta’ difetti fl-oġġetti koperti bil-garanzija kummerċjali;
- fl-aħħar u mhux l-inqas għandu jkun hemm miktub b’mod ċar li d-drittijiet legali tal-konsumatur m’humiex affettwati bil-garanzija kummerċjali.
Minkejja li dawn it-termini u kundizzjonijiet kollha għandhom ikunu inklużi fid-dokument tal-garanzija kummerċjali, il-liġi tgħid li anke meta dan ma jkunx hekk, il-garanzija kummerċjali xorta tibqa’ valida u l-konsumatur għandu dritt jitlob ir-rimedji disponibbli taħt il-garanzija.
Barra minn hekk, l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, tistipula li l-konsumatur m’għandux jintalab ħlas biex tiġi esegwita l-garanzija kummerċjali, sakhemm dan il-ħlas ma jkunx speċifikament imsemmi fid-dokumenti tal-garanzija. Anke l-ispejjeż marbuta mat-trasport ta’ l-oġġetti koperti, dawn għandhom jitħallsu mill-garanti, sakhemm ma jkunx hemm miktub mod ieħor fil-garanzija kummerċjali. Dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu imponuti biss fejn ma jibqqgħux japplikaw id-drittijiet legali tal-konsumaturi.
Meta oġġetti jiġu msewwija jew mibdula taħt garanzija kummerċjali, it-tul tal-garanzija jiġġedded awtomatikament skont l-ammont ta’ żmien li l-oġġetti jdumu għand il-garanti. F’każ li l-oġġetti jinbidlu waqt li jkunu għadhom taħt garanzija, il-garanzija kummerċjali ma terġax tibda iżda tkompli l-ewwel garanzija.
Huwa fl-interess tal-konsumaturi li jaqraw u jifhmu sew it-termini u kundizzjonijiet tal-garanzija kummerċjali, mhux biss biex ikunu jafu meta u kif tkoprihom il-garanzija, imma biex ikunu jafu wkoll liema huma r-responsabiltajiet tagħhom. Jekk il-konsumaturi ma josservawx dawn il-kundizzjonijiet, il-garanzija kummerċjali tista’ ma tibqax valida.
Bħala konsumaturi għandna dejjem inżommu f’moħħna li meta tinqalalna problema bi prodott u din il-problema ma tkunx koperta bil-garanzija kummerċjali, qabel ma naċċettaw li nħallsu għal xi tiswija jew bdil, l-ewwel għandna niċċekkjaw liema huma d-drittijiet legali tagħna.