Le minix noħlom! Lanqas maqtugħ mir-realtà!
Konxju mill-fatt li s-Sajf għadda u żmien il-vjaġġi nħalluh għal Sajf ieħor!
Il-vjaġġ li qed nalludi għalih huwa l-vjaġġ fl-iskejjel tagħna primarji u sekondarji tagħna fejn l-edukaturi u l-istudenti se jitilgħu fuq l-ajruplan bl-isem ta’ ‘My Journey’ u jibdew il-vjaġġ tagħhom f’din il-fażi innovativa u eċitanti fl-istess ħin tal-qasam edukattiv f’pajjiżna.Vjaġġ li beda f’dawn il-jiem bir-ritorn tat-tfal fl-iskejjel.
Imma qabel ma nħares ‘il quddiem lejn dawk l-opportunitajiet li se joffri l-vjaġġ edukattiv My Journey, nixtieq li mmur lura ftit fl-imgħoddi u nirrakonta esperjenza personali flimkien ma’ wieħed mill-ħafna studenti li għallimt jew iggwidajt.
Huwa fatt li tieħu gost titkellem maz-zgħazagħ u tisma’ u tagħti kaz dak li jaħsbu u jemmnu.
U, appuntu, f’diskursata li kelli ma’ Andrew* (isem fittizju), student żagħżugħ fuq l-għatba tal-eżamijiet tal-O Levels u li kien għadda għal widnejja li kien qed jittraskura xi ftit, fettilli nsemmi kemm aħna l-bnedmin inħobbu noħolmu dwar dak il-jum li fih insibu teżor. Forsi wieħed ifettilu jinżel fil-fond fil-ħamrija tal-ġardina tad-dar jsib xi kaxxa antika mimlija deheb u ġojjelli!
-Biex ġej dalgħodu, sir?- staqsieni Andrew, li ta’ intelliġenti li kien, intebaħ li l-intenzjoni tiegħi ma kinitx li nieqaf fuq it-teżor li wieħed joħlom li jsib fil-ħamrija tal-ġnien tad-dar tiegħu!
Id-diskursata waqgħet fuq it-teżor li hu u kull żagħżugħ u student u studenta huma mogħnija bih: it-teżor tal-edukazzjoni. Edukazzjoni li tibda d-dar fl-ewwel snin tal-ħajja u tkompli fl-istituzzjonijiet edukattivi bla waqfien u limitu ta’ xejn. Fi skejjel mgħammra bl-aqwa tagħmir edukattiv imma fuq kollox mogħnija b’edukaturi ta’ kuxjenza li jagħmlu l-impossibbli sabiex jaraw li l-istudenti tagħna jimxu dejjem aktar ‘il quddiem.
U hawnhekk, Andrew, imdorri bħala żagħżugħ li jisma’ priedka wara l-ohra dwar l-importanza tal-istudju fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, dar fuqi u serju serju staqsieni:
-Imma sir! Aqtagħli l-kurzità. Bħalissa jiena vera mwaħħad u għandi moħħi qisu washing machine għaddej! Ma nafx għandix nistudja sabiex intejjeb lili nnifsi u nħossni aktar komplut u sħiħ bħala persuna jew għandix nistudja sabiex insib xogħol?
U b’dil-mistoqsija intelliġenti kkonfermajt il-potenzjal li għandu Andrew u z-zgħazagħ bħalu.
Għax tassew! X’għandu jkun l-għan aħħari tal-edukazzjoni. L-izvilupp sħiħ personali jew preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol biss?
U hawn nirritornaw għall-preżent sabiex nagħtu tweġiba lil Andrew.
Is-sistema edukattiva attwali u dik tal-futur qarib permezz tal-proġett ambizzjuż tal-My Journey qed u se tkompli tagħti l-opportunitajiet kollha sabiex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jilħqu kull ambizzjoni u idejal tagħhom. Is-sistema edukazzjoni attwali tippermetti lill-istudenti kollha sabiex jimirħu kemm fl-akkademiku, fil-vokazzjonali u fl-applikat. Min hu tajjeb fl-akkademiku għandu kull opportunita’ sabiex jimraħ kemm jiflaħ. U għal min hu aktar maqtugħ għas-suġġetti vokazzjonali jew inkella għall-qasam tal-applikat (dawk li fl-imgħoddi konna nsejħu snajja’) hemm il-mezzi kollha sabiex jiżviluppa l-abbiltajiet tiegħu. Is-sistema edukattiva hija ippreparata bis-sħiħ għal dawn l-isfidi kemm mill-aspett pedagoġiku u preparazzjoni tal-għalliema kif ukoll mill-aspett ta’ tagħmir u riżorsi materjali fil-klassijiet u laboratorji rispettivi.
Meta l-istudenti jilħqu l-miri tagħhom ikun l-aqwa ċertifikat li s-sistema edukattiva tkun qiegħda tilħaq l-għanijiet tagħha.
Iż-żmien li qed ngħixu huwa wieħed eċitanti u pożittiv għall-istudenti kollha. Is-sistema edukattiva qiegħda taċċerta ruħha li mhux biss ħadd ma jibqa’ lura izda wkoll sabiex ikollna ċittadini kompluti, mgħallma u ippreparati sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-imprendituri fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiz.
Għaldaqstant Andrew jista’ iserraħ rasu li t-triq li għandu quddiemu hija waħda ta’ opportunitajiet kbar u s-suċċess jiddependi minn kemm lest jaħdem u jistinka u jsoff mill-benna ta’ dak kollu li qed jiġi offrut lilu mill-aqwa teżor.
Fid-dawl ta’ dan it-tibdil pożittiv kollu ma nistax ma nappellax lill-awtoritajiet sabiex jibqgħu qrib l-edukaturi kollha. Nemmen li s-suċċess aħħari ta’ dan il-vjaġġ eċitanti jiddependi għal kollox mill-kontribut totali li se jkunu qed jagħtu l-edukaturi. U għaldaqstant huma għandhom bżonn l-appoġġ kollu possibbli , mhux biss mill-aspett finanzjarju u pedagoġiku, imma aktar ngħid jien mill-aspett psikoloġiku. Mhux se jkun faċli għal ħafna li jibdlu l-mod kif kienu mdorrijin jaħdmu għal snin twal. Għajnuna psikoloġika f’waqtha u kontinwa tagħmel kuraġġ lill-edukaturi sabiex minkejja l-mumenti ta’ diffikulta’li jistgħu jħaddu minnhom, iħossu qrib dik l-imbuttatura tant meħtieġa li tiżgura li l-vjaġġ fil-proġett My Journey ikun wieħed tajjeb bl-anqas turbulenzi possibbli.
Awguri lil kulħadd!