L-Awtorità Bankarja Ewropea ma sabet l-ebda ksur ta’ liġi mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Dan dwar il-każ tal-Bank Pilatus.
B’riżultat ta’ dan, l-Awtorità Ewropea għalqet l-inkjesta preliminari dwar possibli ksur ta’ regoli mill-MFSA.Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, spjega li minbarra li kkonfermat li ma kienx hemm ksur ta’ liġijiet Ewropej, l-Awtorità Bankarja Ewropea spjegat iżjed.
“Fil-fatt l-Awtorità għamlet punt iktar ukoll importanti – qalet li apprezzat ħafna l-azzjonijiet li ħadet l-Awtorità f’dak li għandu x’jaqsam il-kwistjoni tal-Bank Pilatus, u hemmhekk irrikonoxxiet li l-Awtorità ħadet miżuri konkreti u effettivi.”
Is-Sur Cuschieri spjegalna kif l-MFSA ħadmet mill-qrib ħafna mal-Awtorità Bankarja Ewropea, u hemm qbil fuq it-triq ’il quddiem.
“Apparti li clearjawna mill-aspett ta’ ksur ta’ liġi Ewropej, għamlulna numru ta’ rakkomandazzjonijiet, li ovjament aħna kienu infilzati fil-pjanijiet tagħna, biex l-MFSA inkomplu nelevawha mill-aspett ta’ superviżjoni u biex l-MFSA tkun iktar regolatur modern u effiċjenti.”
Fil-fatt, biex ittejjeb iżjed il-ħidma tagħha ta’ superviżjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-MFSA bidet timplimenta numru ta’ inizjattivi strateġiċi, fosthom f’ħidma mal-FIAU.
Barra minn hekk l-MFSA bdiet proċess ta’ ristrutturar intern fuq tliet snin – b’investiment fit-teknoloġija u fil-ħaddiema permezz ta’ inċentivi ġodda.
“Qed naħdmu ma’ awtoritajiet barranin biex naraw kif aħna nistgħu ntejbu l-kapaċitajiet tekniċi taghna, billi nitgħallmu minn awtoritajiet barranin u minn istituzzjonijiet barranin, biex bħala regolatur tkun regolatur mhux biss lokali, imma regolatur Ewropew, u l-filosofija tagħna tkun waħda iktar Ewropea u iktar internazzjonali.”
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri fi stqarrija spjega kif l-għeluq tal-inkjesta mill-Awtorità Bankarja Ewropea hija konferma ta’ kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma b’saħħithom.
Dan minkejja l-kritika distruttiva kollha maħsuba li tmajna s-settur tas-servizzi finanzjarji; u dan bi skopijiet partiġjani.
Barra minn hekk is-Segretarju Parlamentari fakkar kif l-Awtorità Bankarja Ewropea nnutat li Malta hi impenjata ferm rigward id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus.
Spjega wkoll kif il-Gvern diġà wettaq għadd ta’ emendi fejn għandu x’jaqsam l-operat tal-MFSA biex jagħtiha iktar għodod sabiex jindirizza abbużi u sfidi oħra fis-settur.