Il-prezz internazzjonali taż-żejt laħaq l-ogħla livell fl-aħħar erba’ snin wara li l-Arabja Sawdija u r-Russja ddeċidew li ma jżiedux il-produzzjoni.
Id-deċiżjoni ttieħdet il-Ħadd b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni li għamel il-President Amerikan Donald Trump li sejjaħ għal azzjoni biex tiżdied il-produzzjoni.
Il-prezz taż-żejt żdied bi 3% għal aktar minn $81-il barmil it-Tnejn u laħaq l-ogħla livell sa minn Novembru tal-2014.
L-Arabja Sawdija tiddomina l-grupp tal-OPEC, jiġifieri tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt waqt li r-Russja hija l-ikbar produttur taż-żejt barra minn dan il-grupp.
Hu mifhum li ż-żewġ naħat kienu qed jiddiskutu biex iżidu l-provvista b’aktar min-nofs miljun barmil kuljum biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fil-produzzjoni mill-Iran. Madankollu waqt laqgħa tal-OPEC u ministri tal-enerġija barra l-grupp tal-OPEC, ma ntlaħaq ebda ftehim biex tiżdied il-produzzjoni.
Il-ġimgħa l-oħra l-President Amerikan qal li l-OPEC kellhom iraħħsu l-prezzijiet.
Esperti qegħdin isostnu li ladarba jiġu implimentati b’mod sħiħ is-sanzjonijiet tal-Istati Unit fuq l-Iran min-Novembru li ġej, is-suq dinji mistenni jara tnaqqis ta’ madwar żewġ miljun barmil żejt kuljum.
Il-kumpaniji taż-żejt Trafigura u Mercuria qalu li qed jistennew li l-prezz taż-żejt jaqbeż id-$90-il barmil sal-Milied u jaqbeż il-$100 fil-bidu tas-sena d-dieħla.
L-esperti fil-qasam qegħdin isostnu li dan se jwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fil-pompi tal-petrol madwar id-dinja.