L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista llum mhi xejn għajr spin ta’ min mhux jiflaħ jara lill-gvern iżomm il-wegħdi tiegħu. Eluf ta’ studenti mil-lum bdew jibbenefikaw mit-trasport b’xejn u l-gvern hu impenjat li jaħdem biex dan il-benefiċċju jifirxu għand l-istudenti kollha. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista fejn qal ukoll kif miljuni ta’ ewro se jibqgħu fi bwiet il-familji.
Spjega kif għal xhur twal il-Partit Nazzjonalista kien negattiv u rewwaħ kemm felaħ biex ma jintlaħaqx ftehim mal-operaturi.
L-istqarrija tgħid kif illum, li dan il-ftehim intlaħaq u hemm iktar minn 70 operatur parti minnu, il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira u mhux jieqaf ikun negattiv. U għalhekk l-ispin.
Il-PL qal li “ta’ min jgħid li għalkemm bħalissa hemm 800 persuna jistennew biex igawdu mis-servizz li kien għal Delia mhu jgawdi ħadd. Għax qal b’mod ċar li l-miżura ma kelliex tidħol minn din is-sena. ”
L-istqarrija tkompli tispjega kif quddiem il-vojt tal-oppożizzjoni din id-darba wkoll se jkun il-gvern li jipprovdi soluzzjoni għal din l-isfida għax bħal dejjem Joseph Muscat jipproponi miżuri li jwieżnu l-familji.
Temmet tgħid li fosthom kif għamel biċ-child care b’xejn, bit-tneħħija tal-miżati tal-MATSEC, b’din il-miżura u ħafna oħrajn. Joseph Muscat ħalla eluf ta’ ewro fi bwiet il-familji.