Il-Kumpanija ‘Rediscover the World’ fi ħdan ‘Platinum International Malta’ m’għadx għandha rappreżentanza f’pajjiżna. Ikkonfermat dan ma’ ONE News l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-affarijiet tal-Konsumatur, meta wieġbet sensiela ta’ mistoqsijiet mibgħuta minn dan l-istazzjon.
Dan fid-dawl ta’ diversi allegazzjonijiet minn mijiet ta’ klijenti li qed jgħidu li ngidmu eluf ta’ ewro minn din il-kumpanija; meta xtraw skema ta’ ‘timeshare’ taħt l-isem ‘Escape from Malta’. Huma qed jallegaw kif minkejja l-eluf li ħallsu, il-kumpanija ma onoratx l-obbligi tagħha u ingħataw dokumenti foloz.L-Uffiċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur qal li mit-tlieta u għoxrin t’Awwissu ’l hawn, irċieva aktar minn erba u sittin lment dwar dan il-każ, minbarra l-aktar minn tlett mitt rapport li daħlu għand il-Pulizija.
Dan l-uffiċju qal kif mill-ilmenti li rċieva sa issa jidher li fil-klawsola tal-kuntratt hemm miktub biex każi bħal dawn jiġu solvuti quddiem l-arbitru.
Madankollu dan mhuwhiex possibbli hekk kif min-naħa tal-Kumpanija ‘Platinum International Malta’ ħadd ma’ jista jidher, u għalhekk lanqas l-uffiċju tal-konsumatur ma’ jista’ jilħaq rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet.
L-Uffiċju għall-Konsumatur qal ukoll li bħalissa għaddejja kordinazzjoni u ħidma bejn il-Pulizija u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu biex tinstab possibilita ta’ azzjoni li tista’ tittieħed. L-Istess uffiċċju qal kif se jibqa’ jservi ta’ punt ta’ kuntatt għall-klijenti dwar dan l-allegat każ, u se jiprovdi l-infromazzjoni kollha meħtieġa lill-Awtoritajiet konċernati.
Kelliema għall-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ikkonfermat kif għaddejja ħidma mal-Awtorita’ għall-affarijiet tal-konsumatur, anke jekk it-tip ta’ kuntratti ma’ jaqgħux taħt ir-responsabbilita tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.
Intant, sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ qalu li r-rapporti għadhom deħlin għand il-Pulizija. Dan il-każ qed jiġi trattat bħala wieħed ta’ allegat ta’ frodi u misaprorjazzjoni tal-flus.