Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi triqtu lejn New York fl-Istati Uniti fejn se jattendi għat-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. F’dan l-avveniment se jieħdu sehem il-mexxejja ta’ iktar minn 120 pajjiż madwar id-dinja.
It-tema għas-sessjoni se tkun ‘Making the United Nations relevant to all people’ u d-diskussjonijiet mistennija jiffukaw dwar it-tmexxija globali u l-qsim tar-responsabbiltajiet għal soċjetajiet sostenibbli li jgħixu fil-paċi u fl-ugwaljanza.
Fost id-diversi impenji li jġib miegħu dan l-avveniment, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jipparteċipa f’summit dwar il-paċi globali li l-Ġnus Magħquda qed torganizza fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twelid tal-eks President tal-Afrika ta’ Isfel Nelson Mandela.
Fi New York il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u mill-membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, id-deputat Glenn Bedingfield.