Kważi sentejn wara li l-proġett tat-tablets fl-iskejjel ma baqax biss proġett pilota iżda nfirex fl-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-Knisja u indipendenti, id-direttur għal-litteriżmu diġitali Emmanuel Zammit saħaq li bdejna naraw xi riżultati li għalkemm huma żgħar qed juru żvilupp tat-tagħlim li jsir fil-klassi u lil hinn minnha.
Is-Sur Zammit saħaq li għadna ‘l bogħod biex niżnu sew x’effett qed iħalli t-tablet fl-edukazzjoni iżda fost l-oħrajn, it-tablet irnexxielu jqajjem ċertu namra mal-qari.
Diġà rajna ċertu żvilupp fil-qari. Pereżempju kellna app fejn poġġejna xi ftit kotba tal-qari li huma interattivi bil-Malti, kienu fost l-aktar kotba illi nqraw, fost l-aktar apps illi ntużaw mit-tfal.
Hekk kif ninsabu jiem ‘il bogħod mill-bidu ta’ sena skolastika oħra, mal-erbat elef u tminn mitt student ieħor tar-raba’ sena primarja se jingħataw it-tablet li dwaru jintqal ħafna li dan huwa għodda li jista’ jintuża kullimkien b’mod bilanċjat.
Filfatt hu u jispjegalna kemm din l-għodda tintuża għal skopijiet edukattivi u mhux għal-logħob, is-Sur Zammit qal li dan il-proġett tat-tablets huwa investiment ta’ erbatax-il miljun ewro.
Bla dubju kull teknoloġija tiżviluppa u allura staqsejnih jekk it-tablet li bdew bih l-istudenti żviluppax anki fit-tip ta’ applikazzjonijiet li nsibu fuqu.
Is-Sur Zammit kien pront weġibna li saru żviluppi kbar fl-applikazzjoni li nsibu fit-tablet għal-lezzjoni tal-Ingliż iżda mhux biss.
Għal Malti għamilna l-istess ħaġa, pero d-differenza hija li għal Malti ma stajniex nixtru xi ħaġa li kienet lesta imma kellha ssir mill-bidu bażikament. Dan huwa proġett għal qalbi ħafna għaliex il-Malti hija xi ħaġa li nħobb ħafna u se jkun ukoll l-istess ħaġa. Kotba livellati għal Malti. Bħal ma kellna tal-Ingliż issa se jkollna tal-Malti wkoll.
Filwaqt li saħaq li l-istudenti huma mitluba li ta kuljum jieħdu magħhom it-tablet, tkellem dwar it-taħriġ kontinwu li jingħata lill-għalliema li qed jaddattaw it-tagħlim tagħhom bl-użu ta’ din it-teknoloġija.
Is-Sur Zammit qal li apparti l-kważi ħames t’elef tablet li se jitqassmu lill-istudenti tar-raba’ sena hekk kif jirfsu l-għatba tal-iskola, matul is-sajf tqassmu mal-ħames mitt tablet għall-għalliema li issa għandhom ukoll għajnuna biex iħejju lezzjonijiet mill-aktar interattivi. Hemm shots qed iqalleb minn booklet, nistgħu nuzawhom ghax jaghmlu sens hawn
Aħna nagħtu l-għajnuna lill-għalliema mhux biss bit-training illi nkunu tajna imma anki permezz ta’ materjal illi jkunu jistgħu jużaw fil-klassi, pereżempju dan it-tip ta’ materjal, hawnhekk għandna lezzjoni bażikament għal kuljum permezz tat-tablet.