Ix-xogħlijiet tal-proġett ta’ 14.2 miljun ewro fil-bybass ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom u mistennija jitlestew fis-sigħat li ġejjin. B’kollox inbnew 13km ta’ toroq mill-ġdid filwaqt li nħolqu 6km ta’ korsijiet ġodda.
Il-proġett li beda mill-wara l-mini ta’ Santa Venera komplew tul il-Marsa Ħamrun Bypass sat-tarf ta’ Triq Aldo Moro. Il-Ministru responsabbli mill-infrastruttura Ian Borg qal li dawn il-proġetti qed jikkumplimentaw ix-xogħlijiet li saru fil-Coast Road u il-junction tal-Kappara.
Bis-saħħa ta dawn ix-xogħlijiet tneħħew numru ta’ bottlenecks mill-arterji prinċipali. Il-Ministru kompla billi spjega li l-Marsa Ħamrun Bypass tlesta aktar minn sitt xhur qabel iż-żmien stipulat. Hawnekk il-Ministru rringrazzja lill-kuntratturi li ħadmu qatigħ sabiex lestew ix-xogħlijiet b’mod professjonali ħafna. Borg irringrazzja wkoll lis-sindki tal-lokalitajiet li assistew f’dan il-proġett.
Taħt dawn it-toroq ghadejjin aktar minn 38km ta networks li minnhom ghadejjin is-servizzi permezz ta’ culverts. Taħt dawn it-toroq inbnew ukoll erba’ kilometri ta’ culverts tal-ilma. Tul din ir-rotta inbniet ukoll korsija għaċ-ċiklisti tul ta’ 400 metru. Għal dan ix-xogħol intuża aktar minn 25 elf tunellata ta’ asfalt.
Dwar il-proġett tal-junction tal-Marsa Borg spjega li l-ewwel żewġ fażijiet tax-xogħol kważi tlestew qabel daħlu t-tfal fl-iskejjel.
Ghax xhur tax-xitwa l-attenzjoni ta’ Infrastructure Malta se tkun fuq numru ta’ toroq residenzjali u rurali li kieku ma kienx l-intervent tal-Gvern, il-kunsilli m’għandhomx ir-riżorsi neċessarji li jwettqu dawn ix-xogħlijiet.